Waqt li l-midja internazzjonali hi ffukata fuq l-akkwist ta’ Cristiano Ronaldo u trasferimenti oħra li possibbilment isiru minn Juventus, id-diriġenza għaddejja wkoll bi trattattivi biex jinbiegħu jew jiġu trasferiti diversi plejers oħra.

Fl-aħħar sigħat intlaħaq ftehim biex il-goalkeeper Emil Audero jingħaqad ma’ Sampdoria b’self għal miljun ewro. Il-klabb għandu għażla li jakkwistah b’mod permanenti għal €11-il miljun oħra, waqt li Juventus żammew id-dritt li jakkwistawh lura għal €15-il miljun.

Il-midfielder Kolombjan Andrés Felipe Tello Muñoz iffirma kuntratt sal-2021 ma’ Benevento hekk kif intlaħaq ftehim ma’ Juventus għall-bejgħ tiegħu b’mod definittiv. Filwaqt li ma ngħatawx ċifri, hawn ukoll Juventus żammew id-dritt li jixtruh lura.

Ma tħabbrux lanqas id-dettalji tat-trasferiment b’mod permanenti tal-plejer ta’ 18-il sena Alessandro Lombardi ma’ Cagliari. Plejer li fit-tieni parti tal-istaġun li għadda kien mal-Primavera tal-istess klabb. L-istess klabb akkwista lil Alberto Cerri b’self u b’obbligu li jiġi akkwistat b’mod permanenti.

Ravenna ħabbru l-akkwist ta’ żewġ żgħażagħ ta’ Juventus b’self. Dawn huma l-attakkant Giorgio Siani, li fl-istaġun li għadda lagħab fl-Olanda ma’ Den Bosch, u d-difensur ċentrali Stefano Pellizzari, li l-istaġun li għadda lagħab fl-Awstrija ma’ WSG Wattens.

Dan filwaqt li wara esperjenza pożittiva fil-Primavera 2A, se jiġġedded is-self tad-difensur ta’ 18-il sena Francesco Pezziardi ma’ Pro Vercelli.

Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq marketing@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq info@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280