Il-Ġimgħa 28 t’April fid-8:45pm Juventus ħa jivvjaġġaw sa Bergamo biex jaffrontaw lil Atalanta, tim rivelazzjoni li qiegħed jokkupa l-ħames post, fuq la Viola u fuq il-Milanesi.

Din ħa tkun waħda mill-itqal logħbiet tal-istaġun. It-tim ta’ Gasperini qiegħed jiġġieled b’saħħtu kollha għall-Ewropa. Irid iżomm lil Milan u lil Inter ‘il bogħod, u jipprova jaqbeż lil Lazio li qegħdin punt biss ‘il bogħod. Lazio ħa jaffrontaw lil Roma wkoll fid-Derby della Capitale fejn mhumiex il-favoriti u għaldaqstant hemm ċans kbir li jwaqqgħu l-punti.

Atalanta, simili ta’ Juventus, għandhom tim magħqud u l-plejers lesti jissagrifikaw lilhom infushom biex jgħinu lil xulxin u lit-tim. Jekk wieħed isegwi Instagram tal-Papu Gomez jara kemm iqatta’ ħin ma’ Petagna u kemm jaqbad u jiċċajta ma’ plejers oħra t’Atalanta. Papu Gomez huwa wkoll l-iżjed plejer perikoluż hekk kif dal-istaġun skurja 14 u għamel 10 assists f’34 logħba.

Ħa tkun opportunità tajba wkoll biex Caldara u Spinazzola, żgħażagħ ta’ Juventus u li hemm ċans kbir narawhom mal-ewwel ħdax fil-futur qrib, juru x’jafu u jimpressjonaw. Wirja pożittiva tagħhom tista’ tfisser li narawhom Vinovo ħafna iżjed malajr milli qed naħsbu. Gli Orobici ġejjin ukoll minn 5 riżultati pożittivi, l-aħħar wieħed rebħa ma’ Bologna. S’issa skurjaw 56 u qalgħu 37.

Juventus, min-naħa l-oħra, jinsabu f’forma brillanti, ħafna aħjar minn tad-Dea. Il-problema prinċipali li qed nara jien hija dik psikoloġika. B’Monaco daqshekk viċin, wisq nibża’ li jkunu moħħhom f’dik il-logħba u forsi jinżlu ftit distratti. Problema oħra hija l-kundizzjoni fiżika u l-plejers li ħa jagħżel Allegri.

Fuq quddiem m’hemmx alternattivi sakemm ma jibdilx il-formazzjoni, u għandi biża’ kbir. Biżżejjed waqfitli qalbi kontra Pescara xħin rajt lil Dybala ħiereġ … Fuq wara moħħi mistrieħ b’Benatia, Rugani, Neto, Lichsteiner u Asamoah. Marhcisio jeħtieġ jistrieħ ukoll hekk kif ħa jieħu post Khedira, sospiż, kontra t-tim Franċiż.

Ħdejn Khedira jista’ jilgħab ftit Pjanić hekk kif straħ, Sturaro, Lemina, jew, għaliex le, Mandragora. Rajna xi kwalità għandu. Min-naħa l-oħra, Juventus għandhom vantaġġ hekk kif ħa jilagħbu qabel Roma. Rebħa titfa’ pressjoni kbira fuq it-tim ta’ Spalletti, u jekk jiżbaljaw id-derby l-lig ikun prattikament magħluq hekk kif Juventus ikollhom 9 punti vantaġġ b’4 logħbiet sal-aħħar. Imma insomma, Allegri jiddejjaq jikkontja u anke jien.

Nirbħu, imbagħad naraw. Vincere non è importante, è l’unica cosa che conta.

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280