Rodrigo Bentacur, talent Urugwajan ta’ dsatax-il sena (imwieled fil-5 ta’ Ġunju 1997) huwa midfielder ta’ Boca Juniors li qanqal l-interess ta’ ħafna permezz tal-kapaċitajiet kalċisitki li qiegħed juri. Twil metru u 85 ċentimetru, Bentacur kapaċi juża kemm ix-xellug kif ukoll il-lemin b’ċerta abbiltà.

Għandu viżjoni tal-logħob li ftit igawdu minnha, teknika li diġa ssaħħar u veloċità impressjonanti. Fi ftit kliem għandu karatteristiċi li xi ftit jew wisq ifakkruk f’Paul Pogba.

Skont kif irrappurtat il-gazzetta Tuttosport, f’intervista li l-president ta’ Boca Juniors kellu ma’ ESPN, stqarr li t-taħdidiet mad-diriġenti ta’ Juventus biex jakkwistaw is-servizzi ta’ Bentacur ilhom li bdew mhux ħazin. Dan wara li l-midfielder kemm-il darba ssemma li seta’ jingħaqad ma’ Milan matul is-suq tat-trasferimenti li għadu kif intemm.

Għaldaqstant, se naraw ripetizzjoni tal-istorja ta’ Marko Pjaca, fejn Marotta irnexxilu jikseb is-servizzi ta’ talent futur wara l-korteġġamenti tal-Milan?

Sors: Tuttosport