Issa li l-avventura tat-tim nazzjonal fl-Euro 2016 intemmet, (segwita minn baħar ta’ polemiċi), l-attenzjoni terġa’ ddur fuq is-suq tat-trasferimenti. Juventus jidhru viċin ferm l-akkwist ta’ Benatia u din l-aħbar tidher bi prominenza fil-ġurnali.

Tuttosport: B’titli kbar il-ġurnal min Turin jgħid illi Benatia huwa lest ma’ Juventus filwaqt illi wara li Cavani rrifjuta li jġedded il-kuntratt ma’ PSG jidher illi l-Bianconeri se jerġgħu jippruvaw jakkwistawh. Tgħid ukoll illi minħabba l-fatt li Khedira reġa’ weġġa’, Juventus mhux se jippruvaw jakkwistaw biss lil Kanté imma anki midfielder ieħor. Il-ġurnal ifaħħar ukoll il-prestazzjoni ta’ Pogba ma’ Franza kontra l-Iżlanda.

La Gazzetta dello Sport: L-uniku riferiment għal Juventus fil-paġna ta’ quddiem tal-gazzetta r-roża huwa li kollox lest biex Benatia jingħaqad ma’ Juventus u li l-Bianconeri huma l-favoriti li jakkwistaw il-Kroat Pjaca.

ll Corriere dello Sport: Jgħid illi wara l-akkwisti ta’ Pjanić u Alves imiss issa lil Benatia (ftehim milħuq u jonqos biss ftehim dwar il-bonuses) u Pjaca. Tgħid li Zaza huwa ddispjaċut ferm għall-mod kif ta l-penalty kontra l-Ġermanja.