Għalkemm fil-media l-argument prinċipali huwa t-traferiment ta’ Pogba, jidher li l-ġurnali ppreferew jagħtu wisq iktar importanza lill-kliem ta’ Higuaín waqt il-preżentazzjoni tiegħu lbieraħ.

Tuttosport: B’ittri kbar, il-ġurnal minn Turin jippreżenta t-titlu “Triplete Higuaín” u jikkwota lill-Pipita jgħid illi bit-tim li għandhom Juventus din is-sena, kapaċi jirbħu kollox. Tikkwotah jgħid ukoll illi r-raġuni li telaq minn ma’ Napoli kien il-president De Laurentiis filwaqt illi rringrazzja lil Juventus tas-sagrifiċċju ekonomiku li għamlu biex akkwistawh u qal illi kien joħlom li jilgħab ma’ Del Piero. B’inqas prominenza, il-ġurnal jgħid ukoll li kollox lest għat-trasferiment ta’ Pogba ma’ Manchester United u li Juventus jinsabu iktar viċin tal-akkwist ta’ Witsel.

La Gazzetta dello Sport: tikkwota lil Higuaín rigward l-ammirazzjoni tiegħu lejn Del Piero u rigward il-problemi li l-Pipita kellu ma’ De Laurentiis. Tgħid ukoll illi l-kuntratt ta’ Pogba għal ma’ Man Utd. Huwa lest.

ll Corriere dello Sport: Dan il-ġurnal ukoll jikkwota lil Higuaín rigward De Laurentiis u Del Piero kif ukoll il-fatt li skont l-akkwist il-ġdid, dan it-tim kapaċi jirbaħ it-triplete filwaqt li jitkellem ukoll dwar il-ftehim ta’ Juventus ma’ Manchester United dwar Pogba għal €110 miljun netti.