Issa li ntemm l-istaġun fl-Italja b’sena oħra ta’ suċċess għal Juventus, anzi sena oħra mimlija rekords u rebħ ta’ tazzi, l-attenzjoni ta’ kulħadd iddur fuq is-suq tat-trasferimenti. Naturalment il-każ ta’ Morata jibqa’ jiddomina, iżda l-aħbarijiet ewlenin tal-bieraħ f’dak li jirrigwarda l-Bianconeri huma bla dubju ta’ xejn ix-xnigħat, dejjem iktar insistenti, rigward l-akkwist ta’ Mascherano u Dani Alves mingħand Barcelona. Dan huwa rifless fil-ġurnali internazzjonali tal-lum.

Tuttosport: L-aħbar prinċipali tikkwota lill-ġurnal Spanjol “Cadena Ser” li qalet illi Juventus laħqu ftehim ta’ tliet snin ma’ Dani Alves fuq free transfer. Aħbarijiet oħra li jirrigwardaw il-Bianconeri fil-gazzetta sportiva ta’ Turin jitkellmu dwar ftehim milħuq ukoll ma’ Mascherano, ironija dwar il-fatt li Juventus għal darb’oħra jridu jaġġornaw is-sala tat-tazzi, kif ukoll tikkwota lill-Amministratur Delegat ta’ Sassuolo li jgħid li ntlaħaq ftehim bejn iż-żewġ timijiet għat-trasferiment ta’ Berardi.

La Gazzetta dello Sport:
Anki l-gazzetta ta’ Milan tagħti prominenza lill-aħbar ippubblikata minn ‘Cadena Ser’ dwar it-trasferiment ta’ Dani Alves għal ma’ Juventus. L-aħbarijiet dwar Mascherano u Berardi jidhru ukoll minkejja li mhux bi prominenza f’dan il-ġurnal.

Il Corriere dello Sport: Għal darb’oħra, l-aħbar dwar Dani Alves, kif ukoll dawk dwar Mascherano u Berardi.