Bl-attenzjoni prinċipali tal-ġurnali tkun fuq in-nazzjonal Taljan u l-konvokazzjoni tat-23 plejer magħżula għal Euro 2016, tispikka l-intervista ma’ Marotta dwar is-sitwazzjoni fis-suq tat-trasferimenti.

Tuttosport: Bit-titlu “Dani Alves a un passo! Berardi c’è”, il-ġurnal minn Turin jikkwota lil Marotta li kkonferma l-ottimiżmu għall-akkwist ta’ Dani Alves mingħand Barcelona u Berardi mingħand Sassuolo. Jgħid ukoll illi Mascherano jkun utli għal Juventus u li għalkemm in-negozjati għal André Gomes huma diffiċli jemmen li qed jaslu. Jikkonferma wkoll li Lichtsteiner se jibqa’ ma’ Juventus u jgħid illi jekk Real Madrid jieħdu lil Morata, Juventus se jippruvaw jakkwistaw xi plejers mingħandhom. Il-ġurnal ta’ Turin jgħid ukoll li permezz ta’ brazzuletta apposta, Allegri se jkun jista’ jsegwi l-attività fiżika tal-plejers tiegħu waqt li jkunu bil-vaganzi.

La Gazzetta dello Sport: Filwaqt li l-paġna ta’ quddiem ta’ din il-gazzetta hija ddedikata kważi kompletament lin-nazzjonal Taljan, f’kaxxa żgħira fin-naħa t’isfel tagħha tgħid li Juventus mistennija l-ewwel jakkwistaw lil Alves imbagħad jaħdmu dwar il-possibbiltà li jakkwistaw lil Pjanić jew Isco.

Il Corriere dello Sport: Tgħid li Juventus jistgħu jagħmlu rekord ieħor hekk kif għandhom il-possibbilta’ li jirbħu tliet kampjonati fi tliet kategoriji differeneti cjoè Serie A (ġa mirbuħ), Primavera u Allievi.