Ċertu memorji, jgħaddi kemm jgħaddi żmien u midfuna kemm huma midfuna fil-qigħan ta’ moħħok, ma jabbandunawk qatt. Anke jekk kontra x-xewqa tagħna nfusna. U xi kultant għandna aktar ħabta niftakru dak li rridu ninsew milli nibqgħu niftakru dak li nixtiequ.

Dan l-anedottu li ġej huwa wieħed minn dawk id-drabi.

Għalhekk mal-bidu ta’ din ir-rokna ċkejkna u t-tħabbil il-moħħ dwar x’se nikteb il-mewġ tal-memorji kaxkar lura miegħu kull tip ta’ flotsam.

L-elf disa’ mija wieħed u disgħin. Settembru. Fuq l-għatba ta’ sena skolastika oħra.

Bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa darba n-nannu Ġanni (missier missieri, pace all’anima sua) stedinni mmur inqatta’ l-weekend għandhom fid-dar ċkejkna li kellhom fil-qalba antika ta’ Ħ’Attard. U bl-iskuża sabiex inżommilhom kumpanija stajt noqgħod ngħin lin-nannu jaħdem l-għamara u jagħlef il-balla fniek fil-workshop li kellu banda oħra fl-istess raħal. Hemmhekk kienet l-għaxqa tiegħi. Il-Juve iżda ma ħallejthomx warajja wkoll. Għalhekk tlabt lil missieri jsellifni wieħed mill-ħafna settijiet ta’ radju li kellu ħabta jixtri dawk iż-żminijiet.

Il-Ħadd waranofsinhar, dakinhar konna kilna tard (tgħidulix kif bqajt niftakar), infurmajt lin-nanniet li kien ħin li mmur nissakkar f’”kamarti” – teknikament kienet għadha l-kamra taz-zija imma kienet ilha għomor imsiefra – u bħall-aktar reliġjuż devot mat-tlieta neqsin kwart sibt il-frekwenza ta’ Radio Rai. Tutto il Calcio Minuto per Minuto. Dakinhar aħna kontra l-Milan imbattibbli ta’ Capello. Ras imb ras fil-kampjonat, għalkemm kien għadu jibda, u konna għadna biss fit-tielet ġurnata iżda ċans tajjeb li nuruhom li dak l-istaġun we meant business.

Sandro Ciotti b’dak il-leħen fgat tiegħu f’kollegament kontinwu mid-Delle Alpi. U jien mitfugħ fuq is-sodda, wiċċi ’l fuq, b’widnejja mkaħħlin man-National Panasonic tax-xiħ.

˵Tacconi, Carrera, De Agostini, Reuter, Kohler, Julio Cesar, Marocchi, Galia, Schillaci, Roberto Baggio, Casiraghi. Allenatore: Trapattoni˶

Via r-radju l-logħba tieħu dimensjoni oħra: timmaġinaha mod, tistressja lilek innifsek id-doppju tistenna xi interruzzjoni ta’ Ciotti li qlajna goal, eċċetera. Agħar minn hekk disgħin minuta tarahom eternità. L-ewwel taqsima konna aħjar.

Intervengo da Torino. Dodicesimo. Gol della Juve. Casiraghi! Il-bomber. Qbiż ixxellerat fuq is-sodda. Skont Ciotti l-azzjoni kien bdieha Julio Cesar mid-difiża u kienet azzjoni kkordinata bejn it-trio tal-attakk. Skurjajna lill-Milan imbattibbli! Olè, olè, olè.

It-tieni taqsima, kif kien mistenni sa ċertu punt (avolja moħħi immatur kien jaħseb bil-maqlub), sofrejna ħafna l-insistenza tal-Milan li jġibu d-draw u skont it-telekronaka ntfajna kollha wara. Daqqew il-ħamsa neqsin kwart. Ejja ftit ieħor.

Intervengo da Torino. Spiċċat żgur! Clamorosa autorete di Carrera al 91° minuto.

Ir-radju għollejtu mas-saqaf u mort lura d-dar b’geddum sal-art. Dik is-sena l-Milan baqgħu ma tilfux logħba waħda.