Jgħidu li fejn timxi l-qalb, jimxu r-riġlejn. Le mhux ġej xi rakkont romantiku dwar imħabba stil Romeo u Ġuljetta. Iżda lanqas ħa jkun daqstant ’il bogħod. Għax kif stqarr darba Shostakovich, “Football is the ballet of the masses”.

Għalkemm, biex ngħidu d-dritt, dakinhar tas-sittax ta’ Settembru 1987 ftit rajt ballet. Bejn il-livell tal-avversarji u bejn il-fatt illi kont litteralment fis-seba’ sema nara b’għajnejja li sa dakinhar kont rajt mill-bogħod fuq it-televixin inkella smajt bil-ġesti atletiċi tagħhom fid-deskrizzjonijiet radjufoniċi tal-kronisti.

Valletta kontra Juventus. L-ewwel round tat-Tazza UEFA. L-ewwel leg. Fi żmien meta t-teamijiet Maltin kellhom ix-xorti u ċ-ċans li setgħu jiċċumbaw teamijiet ta’ prestiġju mhux klabbs li qas Alla ma jaf, jew sema’, bihom. Għaldaqstant kif ma stajniex (ċjoè, il-pa u jien) naħtfu x-xoqqa f’moxtha?

Tistennewx rakkont dettaljat għax dawn it-tliet deċennji li għaddew il-memorja ċċajpret mhux ħażin u d-dettalji sfukaw. Iżda fl-era tal-ħajja soċjali online nistgħu naqbdu ma’ diversi salvawomi sabiex naħbu dan kollu. U fir-riċerka tiegħi tas-soltu qabel bdejt nikteb dan l-artiklu sibt diversi teżori illi servew ta’ psikanaliżi.

Kienet Juventus intriganti għaliex kienet l-ewwel sena postrivoluzzjoni. Irtira Platini, telaq Serena għal ma’ Inter. Biżżejjed biex tikkawża katakliżma. Esperjenza simili għal li għaddejna das-sajf, insomma, le? Wasal Ian Rush, l-istilla ta’ Wales, mingħand Liverpool b’ħafna daqq ta’ trombi. Taħt id-direzzjoni ta’ Rino Marchesi (l-ekwivalenti ta’ Del Neri tal-lum), akkwistajna lil Marino Magrin, midfielder ekklettiku ex-Atalanta, biex isaħħaħilna nofs il-ground. U ksibna wieħed mill-aqwa prospetti Taljani, Luigi De Agostini, fullback kollu grinta u dinamiżmu, li maż-żmien sar wieħed minn dawk l-underdogs favoriti tiegħi ta’ dejjem. Minkejja n-nuqqas ta’ Le Roi kien hemm ottimiżmu liema bħalu għal staġun ieħor pożittiv. Għax aħna l-Juve u conta solo vincere.

Dakinhar tal-logħba niftakar li tlajna kmieni ħafna l-ground – kilna u tlaqna bil-pass, għax il-logħba kellha tibda fis-2:15pm, mur ġibek illum eh – ħalli ma nitilfux sekonda mill-ġrajja, u fil-warming up ħassejt qalbi tħabbat sitta sitta. Laudrup! Tacconi! Cabrini! Alessio! Bdejt ngħajtilhom qisni xi wieħed kilt il-kirxa magħhom.

Għalkemm kif intbaħt li Rush mhux ħa jibda mal-ewwel ħdax (għalxejn il-pa pprova jfehemni li mweġġa’!), għamilt daqsxejn il-geddum. Leħen maskili, minn dawk li jitkellem sabiex mingħalih jimpressjona lill-barranin bl-aċċent falz tiegħu, ħabbar minn fuq il-PA iż-żewġ formazzjonijiet. Minn tal-Belt, b’kull rispett kont niġi nitnejjek. Ftaħt widnejja ma’ dik tas-sofor u blu (dak il-gear mitiku li bih irbaħna t-Tazza tat-Tazzi kontra l-Porto ġewwa Bażilea tliet snin qabel):

Tacconi, Favero, Cabrini, Bonini, Brio, Magrin, Mauro (Buso ’57), Tricella, Alessio, De Agostini (Vignola ’46), Laudrup.

Mhux ħa nikteb xi rapport dettaljat tal-logħba anke għaliex kif tistgħu timmaġinaw kienet bla storja (fi kwarta qabel l-ewwel taqsima għalquha bi tlieta infila) u anke għaliex mal-ewwel goal ta’ Laudrup – doppjetta tiegħu u oħra ta’ Angelo Alessio, il-viċi ta’ Conte biex niftiehmu – qbadt nifraħ qalb salt partitarji Beltin li xejn ma ħadu gost tant li missieri għażel, b’mod għaqli, li nibdlu postna.

Iżda wara dik il-logħba, u r-ritorn, kellna staġun mill-aktar average. Inqlajna kmieni fl-Ewropa, fis-Serie A spiċċajna fis-sitt post u fil-Coppa Italia ġejna eliminati mill-ġirien fis-semifinali. Fi tmiem l-istaġun lil Marchesi tajrulu rasu u Rush dabbar rasu lura lejn Liverpool wara sena biss, xhieda ta’ falliment ġenerali.