Sigriet magħruf minn kulħadd li l-midfield ta’ Juventus din is-sena mar lura u m’għadux li kien. Allegri, ta’ kowċ brillanti li hu, induna b’dan u għalhekk immodifika l-irwol ta’ Dybala minn kif kien is-sena l-oħra.

Meta kien ma’ Palermo kien hu l-ponta tad-djamant tat-tim. Kulħadd jilgħab għalih, speċjalment Vazquez, li kien trekwartista u jissapportjah. Xogħlu kien, ftit jew wisq, li jitfgħu ġewwa. Ovvjament xorta kellu liċenzja li juża l-fantasija u jinżel għall-ballun.

Ma’ Juventus is-sena l-oħra nbidlet l-istorja. Ma baqax hu l-punt fokali tat-tim, imma kien Mandžukić. Xogħlu kien li jiskurja imma kellu wkoll jissapportja lil Mandžukić jew lil Morata, skont min jinzerta quddiemu. Għalkemm xorta baqa’ attakkant pur, kellu jieħu iżjed kompetenzi ta’ trekwartista. Din it-tranżizzjoni tattika kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn Allegri dam biex beda jibdieh mill-bidu.

Dis-sena l-istorja nbidlet totalment. Dybala sar trekwartista pur. Dik hi l-verità skomda li wħud iridu jiċħdu. La ma wasalx trekwartista mis-suq tat-trasferimenti, xi ħaġa kellu jivvinta Acciughina. Ipprova lil Pjanić hemmhekk iżda ma ħadimx, probabbli għax ma jiġrix biżżejjed. Ipprova lil Hernanes u ma rnexxiex lanqas. Il-midfield ma rnexxilux itella’ attakki sura ta’ nies allura l-uniku plejer li kien baqa’ huwa Dybala.

Dybala li jrid jinżel jiġbor il-ballun f’nofs il-grawnd. Dybala li ġieli jinżel ħdejn Dani Alves biex jgħattilu l-iżbalji difensivi. Dybala li jinżel fil-kaxxa ż-żgħira ħdejn Buffon. Sagrifiċċju esaġerat. Hekk kif jiġbor il-ballun għandu żewġ għażliet: jew jgħaddas rasu jew iqassam lil xi ħadd. Ħafna drabi jqassam, għax dak huwa Dybala. Jilgħab għat-tim.

Wara li jqassam, ifittex l-ispazju. Mal-linja jew jidħol għan-nofs. Ħafna drabi mal-linja biex jikkrossja jew jekk ma jirċevix il-ballun jagħmel l-ispazju għall-wingers li jiċċentraw huma għan-nofs. Meta jinżel għall-ballun, jekk id-difensur ċentrali jkun qed jimmarkah b’mod dirett, man marking, jinqala’ miegħu u jħalli toqba warajh.

Teoretikament taħdem. U fil-verità taħdem ukoll … jekk id-difensuri jibilgħu l-lixka. Kontra l-formazzjoni ta’ Luigi Delneri, Mandžukić kien ippressat kontinwament minn żewġ difensuri, tant li bilkemm miss ballun. Ma’ Udinese din ma ħadmitx. Id-difiża tal-Friulani ħadmet biż-żona, b’hekk id-difensur jinkwieta dwar iż-żona tiegħu, mhux dwar il-plejer. Jiġifieri jekk ikun Cuadrado, jimmarka lil Cuadrado, jekk jinzerta Barzagli, jimmarka lil Barzagli. Jinqala’ kemm jinqala’ Dybala u jiġri kemm jiġri mhux ħa joħloq spazju. Tant hu hekk li Juventus skurjaw biss minn sitwazzjonijiet ta’ ballun wieqaf għax Mandžukić kien maħnuq u Dybala kien wisq ’il bogħod mil-lasta.

Meta jibilgħu l-lixka Higuaín ikollu metri ta’ spazju. L-ewwel gowl kontra Sassuolo wasal bis-saħħa ta’ Dybala. Higuaín ukoll laqat il-lasta b’daqqa ta’ ras wara kross tajjeb kontra Seville. Higuaín kellu dak l-ispazju kollu għax Dybala ħareġ barra l-kaxxa u ġarr miegħu d-difensur.

Fi kliem ieħor, insewha li Dybala ħa jiskurja għoxrin gowl dal-istaġun. Forsi jgħaqqad għoxrin assist. Anke jekk ma jgħaqqad xejn, il-kontribut tattiku tiegħu huwa fenomenali. Ħasra li qed ikollu jinħela hekk, fl-opinjoni tiegħi. Qed ikollu jgħatti nuqqasijiet diriġenzjali. Kieku jaħseb li jattakka biss, jew jattakka ħafna u jiddefendi ftit, anke l-iżjed Chievo aspru ma jżomm lil Juventus milli jiskurjaw tlieta kull logħba.