Il-ġimgħat li ġejjin mistennija jkunu importanti ħafna għal Juventus, hekk kif il-bejgħ ta’ diversi plejers se jħalli somma kbira ta’ flus friski x’jiġu investiti.

L-ikbar somma mistennija tiġi mill-bejgħ ta’ Marko Pjaca. L-attakkant promettenti, li madankollu s’issa qatt ma kellu ċans juri l-potenzjal sħiħ tiegħu, jinteressa lil Fiorentina. Juventus jippretendu €25 miljun, u l-għażla li jakkwistawh lura għal somma stabbilita.

Somma importanti wkoll mill-midfielder Rolando Mandragora, li għalih jingħad li Udinese lesti jħallsu €20 miljun biex b’hekk isir l-iktar plejer għali li qatt xtraw Udinese. Juventus hawn ukoll daħħlu klawsola ta’ recompra ta’ €24 miljun.

Minn Alberto Cerri, Juventus mistennija jdaħħlu €15-il miljun fi trattattiva ma’ Genoa, waqt li l-istess ċifra tista’ tasal mill-bejgħ ta’ Moise Kean. Juventus irċivew offerta ta’ €15-il miljun mingħand Monaco għall-attakkant ta’ 19-il sena, iżda l-Franċiżi rrifjutaw li tiddaħħal għażla ta’ xiri lura għal somma stabbilita.

Għall-goalkeeper Emil Audero, li għalih Juventus iridu mill-inqas €10 miljuni, jingħad li hemm gwerra ta’ offerti bejn numru ta’ klabbs fost interess b’mod speċjali minn Sampdoria. Interessati wkoll Bologna, Parma u Udinese.

Dawn iċ-ċifri jistgħu jvarjaw, hekk kif huma miġbura minn sensiela ta’ xnigħat u informazzjoni minn trattattivi li għaddejjin. Madankollu, jekk konfermati, ifissru li Juventus jieħdu madwar €85 miljun minn plejers li qatt jew ftit li xejn lagħbu għall-klabb.

Ma’ dawn imbagħad jiżdiedu flus oħra minn plejers li qed jissemmew li jistgħu jħallu lill-klabb, bħal Stefano Sturaro li jista’ jfisser ċifra ta’ bejn il-€15-il miljun u €20 miljun oħra. Dan mingħajr ma jingħaddu l-flus mit-trasferiment probbabli ta’ Gonzalo Higuaín.

Sors: La Nazione/Calciomercato/Premium Sport/La Gazzetta dello Sport

Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq marketing@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq info@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280