Fl-aħħar sigħat diversi rapport indikaw li Juventus biegħu madwar 520,000 flokk ta’ Cristiano Ronaldo fl-ewwel 24 siegħa mit-tħabbira tiegħu bħala plejer ta’ Juventus.

Barra minn dawn, inbiegħu wkoll diversi flokkijiet tal-akkwisti l-oħra ppreżentati fl-aħħar jiem fosthom il-goalkeeper Mattia Perin, kif ukoll João Cancelo, Mattia Caldara kif ukoll Leonardo Spinazzola. Inxtara wkoll Douglas Costa.

Id-domanda tant kienet kbira li għal sigħat twal, il-Juventus Store ma kienx aċċessibbli, waqt li Juventus wissew li jaf ikun hemm dewmien biex jibagħtu l-ammont kbir ta’ flokkijiet madwar id-dinja. Iżda minn dan kollu, x’qed igawdu Juventus?

F’Lulju tal-2015 daħal fis-seħħ ftehim ma’ Adidas li hu validu għal sitt snin fost oħrajn kien iggarantixxa €139.5 miljun, minbarra diversi inċentivi, bonuses u l-valur ta’ prodotti tad-ditta mogħtija lill-klabb.

Minbarra dawn, kien tħabbar ukoll li “Adidas se jieħdu ħsieb il-liċenzjar u l-attivitajiet relatati ma’ bejgħ ta’ prodotti minn Juventus.” Għal dan, Juventus kienu qablu ma’ somma ta’ €6 miljun fis-sena, b’Adidas joffru wkoll pagament ulterjuri jekk jinqabeż limitu minimu stabbilit.

Minkejja dan, la Adidas u lanqas Juventus ma kienu ħabbru kemm hu dan il-minimu, li m’hemmx dubju li nqabeż bil-bejgħ tal-flokkijiet ta’ Ronaldo, u lanqas kemm hu l-pagament.

Sors: Juventus

Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq marketing@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq info@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280