Ftit li xejn hu magħruf dwar il-ħajja personali tal-akkwist ġdid ta’ Juventus, il-midfielder internazzjonali Franċiż Blaise Matuidi, meqjus bħala plejer pjuttost kwiet u riservat.

Riċerka fuq l-internet filfatt tikkonferma n-natura kwieta tal-plejer. Għallinqas jekk wieħed jinsa’ li meta kellu erba’ snin, waqt li kien qed jilgħab ma’ ħutu, ta xutt b’saħħtu li laqat u waqqa’ minn fuq rota lil tifel ieħor li spiċċa biex kiser siequ.

Matul is-snin Blaise akkwista diversi laqmijiet, fosthom ‘Chewing Gum’ jew ‘The Octopus’ għaliex issibu kullimkien u qisu d-dell tal-avversarji, iżda jippreferi ‘Marathon Man’ għax hu l-laqam li jikxef l-impenn tiegħu fil-grawnd.

Is-seba’ u l-ikbar wild tal-familja, Blaise twieled minn missier mill-Angola u omm mill-Congo li ħarbu mill-gwerer ċivili. M’għexux ħajja faċli, tant li missieru kellu jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà, bil-lejl, f’supermarket.

Din il-ħajja diffiċli għenitu jimmatura. Ħalla d-dar tal-familja meta kellu 13-il sena biex jiddedika ħajtu għall-futbol, u kien man-nazzjonal meta twieldet bintu, b’martu għadha tirkupra fl-isptar.

Iżda xorta magħruf bħala plejer tal-familja. Hu għadu kif iżżewweġ lil Isabelle, gradwata tal-mediċina, speċjalizzata fl-osteopatija (mediċina alternattiva), imprenditriċi u l-mara li ilu jaf sa mindu kienu adoloxxenti. Ħolqu wkoll fondazzjoni biex tgħin lit-tfal permezz tal-isport, f’Kinshasha, il-post fejn il-ġenituri tiegħu waqfu għal ftit qabel qasmu għall-Ewropa. Hu wkoll sid ta’ fondazzjoni oħra f’Fontanay, fejn kiber.

Huma għandhom tlett’itfal: Muliane ta’ 7 snin, Naëlle ta’ 4 snin u Eden li għandu sena. Riċentament fetħu ċentru ieħor tal-isport għat-tfal. Bħal żewġha, Isabelle ukoll hi mara umli tant li meta intervistata, qalet li hi biss tikketta li tkun miżżewwġa lil plejer famuż, f’messaġġ li flimkien baqgħu jgħixu ħajja kwieta u riservata.

“Ma’ Tryoes kien hemm plejer ieħor jismu Blaise, allura kienu jsejħulu Blaise iż-Żgħir. Riċentament iltaqa’ ma’ plejer li kien jilgħab miegħu u qallu: “Illum sirt Blaise il-Kbir.” Imma Blaise għadu l-istess ta’ qabel, u mhux se jinbidel,” iddikjarat Isabelle.

Plejers li jafuh jiddikjaraw li Blaise ftit li xejn jitkellem, isellem lil kulħadd u jkompli għall-affari tiegħu. Iżda minkejja n-natura kwieta tiegħu, fil-grawnd il-plejer juri wiċċ b’ieħor. Magħruf għad-determinazzjoni tiegħu, Blaise juża l-fiżiċità tiegħu biex jiġġieled għal kull ballun.

Lura għall-ħajja privata tiegħu, hu dikjarat bħala Kristajn Evanġelista li fil-ħin liberu kien iħobb jilgħab il-ping-pong jew imur ma’ sħabu għal xi logħba bowling jew go-karts. Blaise hu meqjus ukoll bħala plejer eżemplari, li qatt ma pejjep, qatt ma jaqla’ inkwiet u li minkejja li fl-aħħar ġimgħat ftit li xejn kien trattat tajjeb minn PSG, imwarrab u użat bħala sostitut għaliex xtaq jibdel il-klabb, flfatt ma smajniehx ilissen kelma kontra l-klabb tiegħu.

U għal dawk li qed jittamaw li jiltaqgħu miegħu f’Turin, kunu ppreparati għal xi ħadd bil-hood f’rasu, li flimkien ma’ martu jħares lejn l-art u jgħaġġel biex jipprova jevita lill-partitarji għaliex jixtieq it-trankwillità.

Il-karriera tal-plejer ma tantx kienet faċli. Kien il-kowċ Antoine Kombouaré li xtaqu ma’ PSG, iżda dan telaq ftit wara u jingħad li ħafna kienu kontra l-akkwist tiegħu. Laurent Blanc jgħid li meta għażlu man-nazzjonal, ħafna daħqu bih.

Meqjus matur ħafna iżjed mill-età tiegħu, minkejja li ta risposta fil-grawnd, Matuidi kien iddikjara hekk wara li pprova mossa bit-takkuna u spiċċa weġġa’: “Tgħallimt ma nagħmilx iżjed milli naf. Nirkupra l-ballun, u nqassam b’mod sempliċi.”

Meta kien ma’ Saint-Etienne, sieħbu fl-iskwadra ddikjara: “Għandu xeħta ta’ innoċenti, bħat-tfal, imma imbagħad hu t-tip ta’ plejer li tmur għall-gwerra miegħu, lest biex jiġġieled, dejjem preżenti.” Ftit snin wara, ma’ Ancelotti, ħa l-faxxa ta’ captain u l-kowċ Taljan iddikjara: “Sar plejer importanti daqs Zlatan Ibrahimović u Thiago Motta.”

Sors: Ultimo Uomo

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280