Ftit kienu jemmnu li l-aħbar kienet xi ħaġa iżjed mill-ħafna xnigħat tas-suq tat-trasferimenti, iżda Juventus irnexxielhom jakkwistaw lill-winger Brażiljan Douglas Costa.

Il-plejer twieled fl-14 ta’ Settembru tal-1990 f’Sampucaia do Sul. Fl-2002, minkejja li kien għad għandu 12-il sena, il-klabb ta’ Gremio rrealizza bil-potenzjal u akkwistawh għall-akkademja tal-klabb li pproduċa plejers bħal Marcelinho, Zé Roberto u Grafite. Ta’ 18-il sena ġie promoss mal-kbar.

Immedjatament il-plejer beda jispikka. Kiseb l-unur tal-Plejer tat-Turnew fil-Punta Cup, li hu turnew rinomat fl-Amerka t’Isfel għall-plejers ta’ eta’ żgħira, kif ukoll il-Golden Boot fit-Taca Belo Horizonte de Juniores, kompetizzjoni għall-plejers ta’ taħt l-20 sena fil-Brazil.

Douglas Costa jqis lil Ronaldinho, li hu wkoll prodott ta’ Gremio, bħala l-idolu tiegħu. Ronaldinho, rebbieħ tal-Plejer tas-Sena fl-2004 u l-2005, ħalla lil Gremio sena biss qabel ingħaqad magħhom Costa. Meta ltaqa’ miegħu, iddikjara li ħass il-friefet fl-istonku, bl-eċċitament.

Passjoni tal-plejer hi l-logħba tal-pool, li għallmu jilgħab missieru, waqt li fil-ħin liberu tiegħu jħobb jilgħab ukoll il-poker. Propju missieru tah l-isem ta’ Douglas għaliex xtaq li ismu jgħinu jispikka fix-xena tal-futbol … u rnexxielu! Imma dejjem wissieh biex la jpejjep u lanqas jixrob alkoħol.

Wara li sar plejer professjonali fl-2008, jingħad li jsegwu lil Douglas Costa kien hemm Barcelona, Real Madrid, Manchester United u l-istess FC Bayern München. Dak iż-żmien kellu 18-il sena, imma ħadd minn dawn il-klabbs ma ħaduh għaliex kien għadu inkonsistenti.

Riċentament il-plejer ingħata li-laqam ‘The Flash’, u jidher li għoġbu għaliex xi jiem ilu qaxxar xagħru bis-sinjal ta’ dan is-super eroj. Ir-raġuni hi pjuttost ovja: Costa hu magħruf għall-ħeffa tiegħu bil-ballun.

Hu wkoll plejer dedikat. F’dokumentarju riċenti ddikjara li “hawn ħafna plejers nieqsa mit-talent, imma b’ħafna taħriġ jirnexxielhom jaslu sa livell għoli fil-futbol.” Lucas Kruel, ħabib tal-plejer u wkoll il-kowċ personali tiegħu tal-fitness, iddikajra li meta ma kienx ikun sodisfatt fi tmiem logħba, kien imur id-dar u jitħarreġ waħdu sas-siegħa jew is-sagħtejn ta’ filgħodu.

Fiż-żewġ staġuni li għaddew, Douglas Costa rnexxielu jaqbeż lill-plejers avversarji għal 158 darba. Iktar minn kull plejer ieħor fil-Bundesliga.

Ix-xewqa tiegħu? Meta mistoqsi għaliex jitħarreġ iżjed minn sħabu, iddikjara hekk: “Irrid insir l-aqwa plejer fid-dinja. It-talent biss mhux biżżejjed. Jekk ma jirnexxilix, għallinqas inkun ippruvajt.”

Sors: Tuttosport/Bundesliga

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prom1inenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280