Luca Pellegrini, difensur fuq il-linja tax-xellug li kapaċi jilgħab ukoll bħala winger, hu plejer ġdid ta’ Juventus hekk kif għadda mit-testijiet mediċi li sarulu dalgħodu.

It-trasferiment ta’ Pellegrini, li għandu 20 sena u jingħaqad ma’ Juventus wara esperjenza b’self ma’ Cagliari, sar wara ftehim ta’ bdil ta’ plejers ma’ Roma u li kien jinkludi lil Leonardo Spinazzola.

It-trasferiment fisser ukoll plusvalenze importanti għaż-żewġ klabbs hekk kif Juventus irċevew madwar €25 miljun waqt li Roma rċevew madwar €15-il miljun. B’Pellegrini li hu prodott ta’ Roma u bi Spinazzola li kien ingħaqad ma’ Juventus kważi b’xejn, dawn iċ-ċifri imorru kollha fuq il-bilanċ tal-klabbs rispettivi u huma importanti ferm biex jintlaħqu l-miri tal-Financial Fair Play.