Wara li rritorna minn injury li żammitu barra għal xi partiti, Paulo Dybala bħalissa reġa’ jinsab għaddej minn mument tajjeb ħafna.
Fil-ġimgħa li għaddiet irnexxielu jiskurja 4 gowls fi tliet logħbiet kruċjali ħafna li jistgħu jkunu fundamentali fit-tkomplija tal-istaġun.
Is-Sibt 3 ta’ Marzu Juventus rebħu logħba diffiċli iżda importanti fl-iStadio Olimpico ta’ Ruma kontra Lazio fejn il-gowl rebbieħ wasal proprju minn Dybala fit-93 minuta tal-logħba.
Din ir-rebħa kienet tiswa d-doppju hekk kif ftit sigħat wara l-eqreb rivali tagħhom fil-kampjonat, Napoli, tilfu l-partita tagħhom kontra Roma.
Erbat ijiem wara Paulo Dybala reġa’ niżżel ismu hekk kif skurja t-tieni gowl ta’ Juventus f’Wembley biex il-Bianconeri rnexxielhom idawru r-riżultat u javvanzaw għall-kwarti finali tal-Uefa Champions League.
Finalment, Paulo Dybala kien l-awtur taż-żewġ gowls kontra Udinese biex Juventus reġgħu ħadu tliet punti oħra li fissru li issa t-tim ta’ Allegri jinsab waħdu fl-ewwel post wara li Napoli reġgħu żelqu kontra Inter.
Juventus se jerġgħu jkunu fl-azzjoni nhar l-Erbgħa li ġej fejn se jkunu qed jirkupraw il-logħba nieqsa li għandhom kontra Atalanta.
F’każ ta’ rebħa għal Juventus, dawn tal-aħħar se jkunu qed ikabbru l-vantaġġ fuq Napoli għal erba’ punti.
Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq marketing@juventusmalta.com.
Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq info@juventusmalta.com