L-eks attakkant ta’ Juventus Fabio Quagliarella ta dettalji ta’ storja xokkanti li wasslitu biex iħalli lil Napoli, l-iskwadra ta’ pajjiżu, biex ingħaqad ma’ Juventus.
“Minn dakinhar ittimbrawni bħala infami. Emminni, meta niesek u familtek stess iduru kontrik, tweġġa’,” iddikjara Quagliarella lil Le Iene, waqt li mesaħ demgħa.
Iddikjara li kull meta kien jirritorna lejn Napli, kien jistenbaħ. Kien jilbes nuċċali skur u jbiddel il-mod kif jidher waqt li jirrifjuta li joħroġ ma’ sħabu għaliex tgħajjira wara l-oħra kienu jweġġgħuh u ma setax jirritalja.
Fabio Quagliarella żvela li ħalla lil Napoli għaliex għal ħames snin sħaħ kellu persuna li kien isegwih, dejjem u kullimkien għall-ebda raġuni.
Dan kien Raffaele Piccolo, Pulizija li ltaqa’ miegħu minħabba li kellu problema fil-kompjuter. Minn hemm bdiet ħbiberija, Quagliarella fetaħ qalbu miegħu u minn hemm bdew sensiela ta’ ittri anonimi mimlija tgħajjir li hu kien pedoflu akkumpanjati minn ritratti ta’ tfal għarwenin, mafjuż u traffikant tad-droga fost l-oħrajn.
Bdew jaslu ittri saħansitra lill-familja ta’ Fabio, inkluż lil missieru. Iżda għamlu l-iżball li, mingħajr ma jafu, irrappurtaw propju lill-Pulizija li kienu jafdaw tant.
L-istess ittri kienu jintbagħtu wkoll lil Napoli. Sitwazzjoni li wasslet saħansitra biex Napoli bigħuh lil Juventus, mingħajr ma kien jaf.
Fl-istess waqt li dan kollu kien qed iseħħ, il-partitarji akkużawh li kienet deċiżjoni tiegħu, bdew iqabbdu posters tiegħu, għajjruh, heddewh u saħansitra bdew iċemplulu d-dar.
Iżda dan kollu Quagliarella ma setax jikxfu għaliex kien mhedded kontinwament. Issa li Piccolo ntbagħat il-ħabs, jiddikjara li kieku hu kien jibqa’ ma’ Napoli għal dejjem.
Sors: Le Iene