Ftit ħin qabel il-logħba tant mistennija ġewwa l-Bavarja, kontra t-tim ġgantesk ta’ Bayern Munich, daħlet l-aħbar li l-Juventus se jkunu mingħajr il-plejer Dybala u anka dubjuża l-preżenza tan-numru 17, Mario Mandžukić. Din l-aħbar iġġib magħha l-possibbiltá li naraw lil Zaza u Morata jħabbtu wiċċhom ma’ Medhi Benatia.
Min hu Benatia? Benatia huwa d-difensur ċentrali tal-Bayern Munich kif ukoll dak tan-nazzjonal tal- Marokk. Il-plejer eks-Roma u Udinese, inxtara mill-qawwa Ġermaniża fis-sajf tal-2014 għall-valur ta’ £28 miljun mingħand Roma, wara staġun brillanti fil-kapitali Taljana.
Benatia, lagħab 36 logħba mat-tim Ġermaniż u skurja 3 gowls. Sfortunatament, Benatia lagħab ammont żgħir ta’ logħob minħabba injuries, madankollu dan ma jżommux milli jibqa’ wieħed mill-aqwa difensuri tal-preżent. Daqqa ta’ ras b’saħħitha, grinta meraviljuża, pożizzjoni dejjem f’waqtha, tackles iebsin u preċiżi u konċentrazzjoni liema bħalha, huma l-karatteristiċi tal-Marokkin, Medhi Benatia. Karatteristiċi li jwasslu biex timijiet kbar fosthom it-tim tal-Juventus, ikompli jitfa’ ħarstu fuq id-difensur li diġá għandu esperjenza denja fil-kampjonat Taljan.
Fl-etá ta’ 28 sena, Benatia jista’ jkun plejer importanti fit-tim ta’ Juventus. It-tieqa ta’ trasferimenti f’Ġunju jistgħu jħollu u jorbtu biex dan it-transfer ikun possibli. Il-kundizzjoni fiżika ta’ Chiellini, it-tluq kważi ċert ta’ Cáceres, u n-nuqqas ta’ fiduċja ta’ Allegri lejn iż-żagħżugħ Rugani jwassal biex il-Juventus jitfgħu ħarsithom fuq difensur ċentrali ta’ stoffa. Madankollu, dan jaf ikun diffiċli meta plejer bħal Benatia ikun taħt il-mira ta’ ħafna timijiet fosthom dawk ta’ Manchester City, li mis-sajf li ġej se jkunu mmexija minn Pep Guardiola, il-kowċ attwali tal-Bayern Munich. Nistennew u naraw.
Sors: Transfermarkt/ WhoScored/ Goal.com
Segwina wkoll fuq Facebook, fil-paġna uffiċjali tagħna, kif ukoll fuq Instagram u Twitter.
Ħalli Kumment