Fl-okkażjoni tal-finali tal-Coppa Italia (Tim Cup) 2015/16 bejn AC Milan u Juventus FC, li se tintlagħab fl-Stadio Olimpico ta’ Ruma nhar is-Sibt 21 ta’ Mejju 2016 fid-20:45, iċ-Centro Cordinamento Juventus Club DOC għadu kif avża lill-klabbs DOC kollha li ser ikun qed jipparteċipa fit-tqassim u l-bejgħ tal-biljetti.

Is-setturi li ġew allokati għas-sapporters Juventini fl-Istadio Olimpico ta’ Ruma huma l-Curva Nord, id-Distinti Nord u Tribuna Tevere. Il-biljetti għal-logħba ser jiġu trasferiti fuq it-tessera del tifoso (sakemm min huwa interessat għandu waħda valida) f’kull settur tal-grawnd. Ser jiġu pprintjati bis-sistema Home Ticketing il-biljetti ta’ dawk biss li se jagħżlu t-Tribuna Tevere.

Għal dawk kollha li m’għandomx Tessera del Tifoso valida/attiva, għas-setturi fil-Curva Nord u Distinti Nord il-biljett ser jiġi pprintjat b’mod normali u l-mod kif se jiġi mqassam ikun magħruf aktar ‘il quddiem.

Jistgħu japplikaw għall-biljetti mingħand iċ-Centro Coordinamento Juventus Club DOC dawk il-membri DOC biss li ssieħbu ma’ din is-sistema għall-istagun 2015/16. Kull min huwa mħajjar għandu jattendi fis-sala tal-klabb fi Triq l-Għajn, fl-ImrieĦel għal laqgħa li se ssir nhar it-Tlieta 29 ta’ Marzu fis-18:30.

Id-dokument uffiċjali li ħarġet il-Lega Serie A bl-informazzjoni kollha marbuta ma’ din il-logħba jista’ jinqara’ hawn.

Iċ-Centro Cordinamento DOC se jkun qed jieħu sehem biss fit-tielet fażi tax-xiri tal-biljetti. Għaldaqstant il-klabb ma jistax jieħu r-responsabbiltà fil-każ li f’din il-fażi ma jkunx fadal biljetti disponibbli. Fil-fatt fl-ewwel fażi jistgħu jixtru biss l-abbonati tal-Juventus Stadium skont kif spjegat fuq id-dokument tal-Lega Serie A, waqt li fit-tieni fażi jistgħu jixtru dawk li għandom it-tessera del tifoso Juventus Membership. Ladarba jkunu għaddew dawn iż-żewġ fażijiet, iċ-Centro Cordinamento Juventus Club DOC jibgħat javża lill-klabbs rispettivi fuq il-kwantità ta’ biljetti li ġew allokati għalihom.

Dawn huma l-prezzijiet tal-biljetti uffiċjali:

– Curva Nord: €30
– Distinti Nord: €50
– Tribuna Tevere: €130 (€70 għal min twieled wara s-sena 2000)

Dawk il-membri li m’humiex reġistrati mas-sistemà DOC jew dawk il-membri DOC li ma jixtiqux jirriskjaw u jistennew sat-tielet fażi, iżda jixtiequ jippruvaw jixtru l-biljetti qabel mingħand l-aġenti uffiċjali tal-klabb, għandhom jattendu għall-istess laqgħa tad-29 ta’ Marzu.

Dawn huma l-prezzijiet tal-biljetti mingħand l-aġenti uffiċjali tal-klabb:

– Curva Nord: €180
– Distinti Nord: €210
– Tribuna Tevere: €260

Dawn huma l-prezzijiet uffiċjali li l-klabb se jħallas lill-aġenti għal dawn il-biljetti, u kull min jiddeċiedi li jixtri wħud minn dawn il-biljetti qed jaċċetta l-fatt li la l-klabb u lanqas xi membru tal-kumitat (jew membri oħra tal-klabb) mhuma qed jagħmlu profitt fuq dawn il-biljetti. Il-kumitat javża wkoll li se tintuża sistema first come first served u ma jieħu l-ebda responsabiltà f’każ li l-kwantità mitluba tkun akbar mil-kwantità disponibbli.

Il-klabb qed jikkunsidra wkoll li jorganizza tour ta’ ġurnata jew tnejn f’Ruma jekk ikun hemm numru minimu ta’ membri interessati.

Għal iktar informazzjoni wieħed għandu jkellem lil xi membru tal-kumitat. Għall-aħħar aġġornamenti segwi wkoll il-paġna kif ukoll il-grupp uffiċjali tal-klabb.