Sfortunatament id-dinja Juventina qed tibki t-telfa ta’ Pietro Anastasi, imlaqqam ‘Pietruzzo’, li twieled fis-7 April 1948.
Meqjus bħala wieħed mill-aqwa attakkanti Taljani tas-snin 70, hu miet fl-età ta’ 71. Saħħet Anastasi kienet marret lura wara li fl-aħħar tal-2018 skopra li kellu tumur.
Imwieled f’Catania, kien attakkant veloċi, affidabbli mmens, b’aġilità u b’reazzjoni tajba ħafna. Prolifiku, intelliġenti u opportunist, li kien kapaċi jagħmel ġirjiet biex jattakka lill-avversarju u javvanza f’pożizzjonijiet aktar effettivi li jwasslu għall-gowl.
Sploda mat-tim ta` Varese fit-tieni nofs tas-snin sittin, fejn hemmhekk lagħab 66 logħba u skurja 17-il gowl biex ġibed l-attenzjoni tal-aqwa klabbs Taljani fosthom tat-tim ta` Juventus.
Filfatt Juventus akkwistawh fl-1968 u nvestew fih 650 miljun lira Taljana; ċifra sinifikanti għal dawk iż-żminijiet. Huwa lagħab 303 logħbiet mal-Vecchia Signora mifruxa fuq 8 staġuni sal-1976 u skurja 130 gowl.
Huwa laghab ukoll 25 logħba u skurja 8 gowls mat-tim nazzjonali Taljan bejn 1968–1975. Fl-1968 rebaħ it-Tazza Ewropeja mal-istess tim nazzjonali u saħansitra skurja gowl fil-finali li ntlagħbet ġewwa Ruma.
Wara li rtira Anastasi, hu qatta’ żmien qasir bħala kowċ taż-żgħażagħ u wara laħaq kummentatur televiżiv.
Grazzi Pietruzzo.
Strieħ fis-sliem.