Din il-ġimgħa Paolo Dybala nieda kompetizzjoni fil-paġna uffiċjali tiegħu għal dawk kollha li jħobbu jpinġu. Fil-fatt talab lill-partitarji tiegħu biex jagħmlu tpinġija tiegħu u jtellgħuha fil-kummenti ta’ wieħed mil-posts tiegħu.

Nhar il-Ħadd li ġej, 13 ta’ Novembru, l-aktar tpinġija li jkollha Likes trebbaħ lill-artist li jkun għamilha flokk iffirmat mill-plejer stess.

F’din il-kompetizzjoni qed jieħdu sehem żewġ artisti Maltin, membri tal-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero, u t-tnejn li huma qed itellgħu numru sabiħ ta’ voti li jista’ jagħtihom l-opportunità li jirbħu din il-kompetizzjoni.

Kyle Duca magħruf għal numru ta’ tpinġijiet b’dettall liema bħalu u bil-lapes huwa wieħed minn dawn iż-żewġ artisti. Jekk jirbaħ, wiegħed li l-flokk se jittella’ bi rkant, bil-flus kollha jmorru għall-karità. Ikklikkja u agħfas Like hawn.

Charles Caruana bi stil kompletament differenti huwa l-artist l-ieħor Malti li qed jikkompeti. Jekk jirbaħ b’din it-tpinġija li kien għadda b’donazzjoni għall-Istrina, hu se jagħti l-flokk liż-żagħżugħa Raisa Falzon. Ikklikkja u agħfas Like hawn.

Għalhekk inħeġġu lill-membri tagħna u l-Juventini Maltin biex jivvutaw fuq it-tpinġijiet ta’ Charles u Kyle. Flimkien mhux biss nuru t-talent kbir Malti iżda nuru x’qalb tad-deheb għandhom dawn iż-żewġ artisti li jixirqilhom biss tifħir.

Grazzi tas-sapport u l-kollaborazzjoni tagħkom.