Il-Kumitat tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero ħa d-deċiżjoni li jissospendi l-ħidma li kien qed jagħmel biex bħal kull sena jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mar-rebħ tad-9 kampjonat konsekuttiv.
Għalkemm din id-deċiżjoni tfisser daqqa ta’ ħarta ekonomika oħra għall-klabb li jaħdem bħala għaqda mhux governattiva b’riżorsi limitati, il-Kumitat iħoss li jkun irresponsabbli li jsejjaħ għal miġgħema ta’ nies.
Dan fid-dawl li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, organizzati għall-aħħar seba’ snin konsekuttivi mit-twaqqif tal-klabb, dejjem attiraw folla kbira ta’ nies.
Minkejja dan, u grazzi għall-isponsor tal-klabb Ceskos\vinyl., dawk li jattendu se jingħataw ukoll rigali b’xejn bħala tifkira tar-rebħ tal-kampjonat. B’hekk il-Kumitat qed iħejji mod ieħor u kreattiv (ritratt) biex jilqa’ dawk li jattendu għal-logħba tas-Sibt li ġej kontra Roma biex igawdu l-logħba u jiċċelebraw l-għoti tat-trofew tas-Serie A fl-istess waqt li jżommu d-distanza soċjali.
Il-Kumitat jirrakkomanda lil dawk li jixtiequ jattendu biex jibbukkjaw post fuq 7981 1133 biex ikun hemm iktar kontroll fuq l-ammont ta’ persuni li jattendu u tkun tista’ ssir preparazzjoni dwar it-tqassim tal-klabb.
Infakkru li sadattant għadha għaddejja l-inizjattiva li permezz tagħha persuna li tissieħeb membru mal-klabb tista’ ddaħħal persuna oħra bħala membru tal-klabb għal nofs il-prezz.