Il-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero ġie offrut numru ta’ biljetti mingħand sors affidabbli iżda mhux uffiċjali għall-finali taċ-Champions League li tintlagħab f’Cardiff nhar is-Sibt 3 ta’ Ġunju 2017.

Filwaqt li l-Kumitat iħoss li l-prezz ta’ dawn il-biljetti huwa wieħed għoli ħafna u qed jagħmilha ċara li mhux se jieħu l-ebda responsabbiltà fuqhom, ġie deċiż li opportunità bħal din għandha tiġi offruta lill-membri u lill-Juventini Maltin.

Il-biljetti se jkunu offruti fuq bażi ‘first come first served’ u dawn huma l-prezzijiet mitluba min-naħa tas-sors tal-klabb:

Cat 3 – €1,750
Cat 2 – €2,250
Cat 1 – €2,800
Cat 1 Permium (2nd Level) – €3,400
Cat 1 Premium (1st Level) – €3,900
VIP – €5,800

Kull min huwa interessat f’dawn il-biljetti għandu jagħmel kuntatt mal-Kumitat u jħallas l-ammont totali. Ladarba jsir il-ħlas, il-biljetti jiġu kkonfermati u ma jistgħux jitħassru anke fl-eventwalità li Juventus ma jaslux sal-finali.

Dawn huma l-kundizzjonijiet li ġew offruti lill-klabb. Il-biljetti se jkunu f’idejn dawk kollha li jixtruhom fil-ġimgħa ta’ qabel il-finali. Mill-ġdid nagħmluha ċara li l-Kumitat qiegħed biss joffri dawn il-biljetti hekk kif ġew offruti lilu u mhux jerfa’ r-responsabbiltà tagħhom.

Nixtiequ ninfurmawkom ukoll li l-Kumitat għadu qed ifittex alternattivi oħra li huma orħos. Iżda s’issa l-ebda sors minn dawk affidabbli ma ta konferma li se jkollu biljetti.

Jekk ikun hawn min xtara dawn il-biljetti, u wara l-Kumitat isib biljetti oħra, ma jkunx hemm iċ-ċans li jinbidlu l-biljetti. Dan għaliex kull min se jħallas se jiġi konfermat immedjatament sakemm ikun għad hemm biljetti disponibbli.

Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero,
il-Marsa.