Huwa mistenni li din is-sena se tkun l-aħħar waħda tal-goalkeeper leġġenda ta’ Juventus u n-nazzjonali Taljan, Gianluigi Buffon.

Fil-fatt huwa ġa ddikjara li jkompli jilgħab sena oħra biss f’każ li Juventus fl-aħħar ta’ dan l-istaġun jirbħu ċ-Champions League, sitwazzjoni li rridu nammettu ftit huma dawk li jemmnu li tista’ sseħħ. Għaldaqstant huwa mistenni li jirtira wara l-logħob tat-Tazza tad-Dinja 2018 li ser isiru ġewwa r-Russja.

Filwaqt li Buffon stess saħaq li ma jridx jiddiskuti l-futur tiegħu sakemm jispiċċa l-istaġun, Tuttosport qed tgħid li bħalissa ġa għandu tal-inqas 4 offerti fuq il-mejda lesti għall-futur tiegħu.

Fil-fatt l-istess ġurnal qed jirrapporta li l-kap tal-FIFA Gianni Infantino jixtieq li Buffon ikollu rwol prominenti fl-organizzazzjoni tal-FIFA kif ukoll il-kbir tal-FIGC, Carlo Tavecchio wkoll esprima l-interess li jara lil Buffon fil-Federazzjoni.

Ovvjament ma jistax jonqos li anki l-istess Juventus se jkunu interessati li joffru pożizzjoni eżekuttiva permanenti fl-Allianz Stadium.

Finalment jidher li hemm offerti ġejjin ukoll mill-MLS, fejn huwa rrappurtat li New York City offrew opportunità lil Buffon biex saħansitra jtawwal il-karriera sportiva tiegħu anki wara l-għeluq tal-40 sena.

Offerti interessanti hemm u mhux ftit iżda ta’ professjonist li Gianluigi Buffon huwa meqjus li hu, bħalissa kulħadd jaf li l-uniku ħsieb tiegħu hija l-logħba ta’ għada kontra Sassuolo.

Sors: Calciomercato

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com