L-eksmidfielder ta’ Juventus u rebbieħ ta’ żewġ kampjonati mal-Bianconeri, kellu kliem ta’ tifħir għall-Bianconeri filwaqt li wissa lil Morata biex ma jgħaġġilx fid-deċiżjoni tiegħu.

Il-Brażiljan qal: “Ir-Real huwa tim li huwa l-ħolma ta’ kull plejer. Jien għixt din il-ħolma u naf kemm hu diffiċli dak l-ambjent. Differenti ħafna mill-Italja fil-mentalità u sibtha diffiċli ħafna fl-ewwel ftit xhur. Għalhekk ngħid lil Morata biex jaħsibha sewwa qabel ma jitlaq lil Juventus għax ir-Real huwa t-top imma ma’ Juve sibt is-serenità u ambjent li jipproteġi l-plejers. F’Madrid jekk ma tiskurjax għal zewġ logħbiet wara xulxin issir plejer żejjed u ma jqisukx importanti bħal fl-Italja. Il-Juve hija fortunata għax għandha plejer bravu fin-nofs li hu Pogba. Fit-timijiet l-oħra Ewropej huwa diffiċli ssib plejer bħalu ta’ dik l-età. Jien kieku nżommu, però naħseb li s-soċjetà hija brava ħafna fejn jidħlu akkwisti, dejjem kienet waħda mill-fatturi b’saħħithom tagħha u għalhekk naħseb li tkun kaħaċi ssib Pogba oħrajn, żgħażagħ oħra li kapaċi jagħmlu differenza mill-ewwel.”

Emerson kompla: “Dani Alves huwa plejer li ma’ Barcelona għamel affarijiet stratosferiċi imma trid tara kif se jmur fl-Italja. Għalija s-Serie A u La Liga huma żewġ kampjonati differenti ħafna. Mingħajr ma wieħed iqis li hu plejer ta’ kwalità kbira, li tilgħab ma’ tim li huwa t-top tal-Ewropa bħal Barcelona huwa iktar faċli milli f’realtajiet oħra.

“Jien ma rridx nara lil Juve tasal sal-finali kontra Barcelona u mbagħad titlef imma nippreferi nara lil Juve ta’ dis-sena li nqalgħet kontra Bayern München imma lagħbet logħba kbira u tal-istess livell. Fl-opinjoni tiegħi issa Juventus huma ferm viċin li jerġgħu jibdew jgħollu tazza importanti bħaċ-Champions League,” saħaq Emerson.

Sors: JuventusMania1897