Wara s-suċċess kbir tal-attività ta’ Fabrizio Ravanelli f’Malta, bi pjaċir kbir inħabbru l-attività li jmiss. Fil-fatt wara din il-leġġenda, issa jmiss li l-membri tagħna jgawdu minn opportunità unika … dik li jiltaqgħu ma’ wieħed mill-plejers li jifformaw parti mit-tim preżenti.

SIMONE ZAZA se jkun qed iżur Malta fis-sajf li ġej fuq stedina ta’ kumpanija li torganizza events privati, u waqt din iż-żjara saru arranġamenti sabiex Zaza jkollu ħin allokat biex jiltaqa’ mal-membri tal-klabb tagħna b’mod esklussiv. Din l-attività se tkun miftuħa għall-membri DOC għall-istaġun 2016/17 biss. It-tesserament ser jiftaħ minn għada, il-Ħadd 24 ta’ April qabel il-logħba kontra Fiorentina.

Din il-ġimgħa l-klabb se jkun miftuħ ukoll nhar it-Tnejn 25 ta’ April, it-Tlieta 26 ta’ April u l-Erbgħa 27 ta’ April bejn is-18:00 u s-19:30. Aktar ġranet u ħinijiet tal-ftuħ jitħabbru fil-ġranet li ġejjin.

Il-programm u d-dati taż-żjara ta’ Simone Zaza jitħabbru aktar ‘il quddiem għax jiddependu minn avvenimenti sportivi oħra peress li għandu ċans tajjeb li jkun wieħed mill-plejers magħżula għall-Italja matul il-Euro 2016.

Din l-attività ser tkun l-ewwel waħda ta’ dan il-ġeneru minn sensiela għall-istaġun 2016/17.