L-aħbar li l-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero se jimxi għal post ferm ikbar u iktar aċċessibbli minn dak attwali fl-Imrieħel diġà waslet l-Italja.

Tant hu hekk li fl-aħħar sigħat l-eks attakkant internazzjonali tal-Italja u ta’ Juventus, Salvatore ‘Totò’ Schillaci bagħat messaġġ fejn jifraħ lill-klabb għal din l-aħbar.

Fil-messaġġ tiegħu, Schillaci jesprimi t-tama tiegħu li jkun jista’ jattendi għall-ftuħ uffiċjali li mistennija ssir lejn il-bidu tas-sena d-dieħla.

Dan il-messaġġ kien possibbli grazzi għall-ġemellaġġ bejn il-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero u l-klabbs Taljani Juventus Club DOC Terza Stella Barcellona P.G. u Juventus Club DOC Juventus Club Doc Caltanissetta “Rampulla-Pessotto”, immexxija mill-Presidenti Luca Cucinotta u Lillo Rizza.

Madankollu, qabel isir dan il-pass, hemm bżonn ħidma kbira ħafna li se ġġib ukoll spejjeż konsiderevoli, speċjalment meta wieħed iqis li l-klabb hu mmexxi minn membri tal-Kumitat li jaħdmu b’mod volontarju.

Għalhekk il-Kumitat qed jappella lill-Juventini Maltin biex jissieħbu bħala membri fuq juventusmalta.com/membership-form u filwaqt li jkunu qed jgħinu biex din il-ħolma ssir realtà, igawdu wkoll mill-benefiċċji tas-sħubija.

Dawk li jixtiequ jgħinu iżjed, kemm b’donazzjonijiet ta’ oġġetti, memorabilia jew materjal, inkella jixtiequ jkunu sponsors tal-klabb, għandhom jibagħtu email fuq admin@juventusmalta.com biex jingħataw dettalji dwar il-pakketti ta’ riklamar.

dical-banner-1200×280