Il-midfielder li ssieħeb ma’ Juventus f’Jannar mingħand Genoa, Tomás Rincón, tkellem f’intervista wara r-rebħa kontra Crotone fejn sostna li jinsab kuntent li lagħab il-partita kollha u kellu prestazzjoni tajba ħafna filwaqt li kien protagonist fit-tieni gowl meta bil-pass tiegħu żmarka lil Higuaín għat-tieni gowl.
“Ninsab kuntent ħafna li lgħabt id-disgħin minuta sħaħ u kelli prestazzjoni tajba. Kien importanti li nżommu l-paċenzja f’partita hekk sakemm insibu l-mument opportun u niftħu l-iskor kif għamilna. Konna nafu li se tkun logħba diffiċli għaliex timijiet hekk jintefgħulek 11-il plejer wara l-ballun u tkun diffiċli biex tiskurja. L-importanti li waslu t-tliet punti u issa immedjament nibdew naħsbu għal Cagliari.”
“Nixtieq nirringrazzja lil sħabi tat-tim li lagħbu tajjeb ħafna u għamluli l-ħajja faċli iktar biex nilgħab tajjeb ukoll. Il-mentalità tagħna għandha tkun biss rebbieħa. Aħna nittrenjaw ukoll b’determinazzjoni li nibqgħu nirbħu u dan qed iħalli impatt tajjeb fir-riżultati li qed niksbu.”
Fl-aħħar Rincón tkellem fuq is-saħħa u l-kwalità tat-tim ta’ Juventus u fuq il-pożizzjoni li jippreferi jilgħab.
“Iva, għandna tim ta’ kwalità kbira. Paulo Dybala huwa plejer kbir filwaqt li l-attakkanti tagħna huma kollha mimlija bil-kwalità u d-difensuri tagħna huma litteralment iljuni. Jien lgħabt f’diversi pożizzjonijiet fil-karriera tiegħi u nilgħab fejn nilgħab lili ma jaffettwanix.”
Sors: TuttoJuve
Ħalli Kumment