Illum il-Ħadd id-data qed timmarka t-28 ta’ Jannar u dan ifisser li n-numru wieħed u l-leġġenda Juventina Gianluigi Buffon jagħlaq 40 sena. Huwa vera li dan il-bniedem se jagħlaq dak l-ammont però żgur li fil-grawnd juri mod ieħor.

Sfortunatament hemm ċans kbir li din se tkun l-aħħar darba li se nawguraw lil Buffon f’għeluq żmienu bħala plejer ta’ Juventus hekk kif mistenni jirtira fl-aħħar ta’ dan l-istaġun.

Buffon beda l-karriera professjonali tiegħu fl-1995 mat-tim ta’ Parma fejn għamel id-debutt tiegħu u wara ftit logħbiet rebaħ postu regolari f’dan it-tim.

Fl-1999 Buffon rebaħ il-Coppa Italia, it-Tazza Uefa u s-Supercoppa qabel ma mar ma’ Juventus fl-2001 fejn għadu magħhom sal-ġurnata tal-lum.

Kien proprju t-3 ta’ Lulju 2001 meta Juventus ħallsu s-somma ta’ €52 miljun lil Parma għas-servizzi ta’ Buffon flimkien ma’ Lilian Thuram. Juventus taw in-numru 1 lil Buffon hekk kif Edwin van der Sar kien inbiegħ lil Fulham.

Minkejja diversi offerti mingħand klabbs kbar fl-Ewropa, l-ewwel fosthom Barcelona, Buffon għażel xorta waħda lil Juventus. Is-somma li għaliha nxtara Buffon kienet l-ogħla wahda li qatt nefqu Juventus li eventwalment ġiet miksura fl-2016 bit-trasferiment ta’ Gonzalo Higuaín.

Id-debutt ta’ Buffon ma’ Juventus wasal fl-ewwel partita tas-Serie A fis-26 t’Awwissu 2001 meta ġewwa darhom Juventus għelbu lil Venezia bl-iskor ta’ 4-0.

Wara li għamel id-debutt fis-Serie A, kien imiss li jagħmel id-debutt fl-Ewropa u kien proprju fit-18 ta’ Settembru meta Buffon kien parti mit-tim li rebaħ lil Celtic bl-iskor ta’ 3-2.

F’dak l-istaġun Buffon kien rebaħ l-unur tal-aqwa goalkeeper tas-Serie A u kien nominat ukoll għall-unur tal-aqwa goalkeeper tal-UEFA iżda ma rnexxilux jegħleb l-isfida ta’ Rüştü Reçber.

F’Awwissu 2002 Juventus kienu rebħu s-Supercoppa kontra l-eks tim ta’ Buffon, Parma. Fl-istess staġun Buffon kien protagonista biex Juventus kienu telgħu fil-finali taċ-Champions League li sfortunatament intilfet bl-għoti tal-penalties kontra Milan.

Fl-istaġun 2003/04 Buffon irnexxielu jilħaq l-ewwel rekord tiegħu hekk kif fit-30 ta’ Settembru 2003 kien laħaq il-100 preżenza bil-flokk ta’ Juventus. F’dak l-istaġun ukoll Buffon irnexxielu jagħmilha fil-lista tal-Ballon d’Or iżda ġie kklassifikat fil-21 post.

Fl-istaġun 2004/05 Buffon irnexxielu jirbaħ it-tielet kampjonat f’erba’ snin u rebaħ ukoll l-unur tal-aqwa goalkeeper tas-Serie A għall-ħames sena fil-karriera tiegħu.

F’Mejju tal-2006 diversi plejers fosthom l-istess Buffon ġew akkużati li ħadu sehem f’imħatri illegali. Minkejja li kien hemm spekulazzjonijiet li Buffon jista’ jitlef postu mat-tim nazzjonali, Gigi kien ikkonfermat in-numru wieħed tat-tim nazzjonali, u kien protagonista biex l-Italja jirbħu t-Tazza tad-Dinja għar-raba’ darba fl-istorja.

Fl-2006 Juventus ġew ikkastigati minħabba l-iskandlu tal-Calciopoli fejn il-FIGC neħħiet l-aħħar żewġ kampjonati ta’ Juventus u dawn tal-aħħar ġew relegati fis-Serie B fejn kienu se jibdew il-kampjonat b’punti mnaqqsa.

Wara din l-aħbar kien hemm ħafna xnigħat li Buffon jista’ jħalli lill-klabb iżda n-numru wieħed ta’ Juventus iddeċieda li jibqa’ mal-klabb, deċiżjoni li niżlet tajjeb ferm mal-partitarji Juventini.

Gianluigi Buffon kien protagonista biex Juventus jerġgħu jiksbu lura posthom fl-ogħla diviżjoni fil-futbol Taljan fejn fl-istaġun ta’ wara Juventus irnexxielhom jiġu fit-tielet post tas-Serie A u kkwalifikaw għall-Uefa Champions League.

Fis-sena 2011 bdiet era ġdida ta’ Juventus fejn taħt it-tmexxija tal-eks plejer Juventin Antonio Conte, Juventus irnexxielhom jirbħu l-kampjonat mingħajr telfa waħda. Dak l-istaġun kien ifisser tmiem il-karriera twila u mill-isbaħ mal-Bianconeri ta’ Alessandro Del Piero biex b’hekk il-captian il-gdid ta’ Juventus sar Gianluigi Buffon.

L-ewwel trofew li għolla bħala captain kien fil-11 t’Awissu 2012 meta Juventus rebħu l-Coppa Italia kontra Napoli. Antonio Conte kien ħalla lil Juventus fis-sajf tal-2014 fejn postu ħadu l-eks kowċ ta’ Milan u Cagliari, Massimiliano Allegri.

Minkejja l-bdil fil-kowċ, Juventus baqgħu dominanti fl-Italja u Gianluigi Buffon kien baqa’ parti minn dawn is-suċċessi konsekuttivi tal-klabb.

Fl-2015 Juventus kienu reġgħu tfaċċaw fil-finali tal-Uefa Champions League fejn sfortunatament it-tim t’Allegri tilef din il-partita kontra l-qawwa ta’ Barcelona bl-iskor ta’ 3-1 fejn Buffon kien protagonist b’diversi saves.

Fl-2016 Buffon kien ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Juventus sa Ġunju tal-2018 fejn probabbilment se jkun tmiem il-karriera glorjuża tiegħu.

Fil-11 t’Ottubru tal-istess sena, Buffon sar l-ewwel goalkeeper li rebaħ l-unur tal-Golden Foot. Fil-bidu tal-istaġun 2016/17 kien hemm kritika lejn Gigi minħabba l-iżball li għamel kontra Spanja fejn segwa bi żball ieħor kontra Udinese fis-Serie A.

Wara dawk l-iżbalji, Buffon baqa’ protagonist ewlieni f’dan it-tim fejn kien ta’ għajnuna biex Juventus rebħu s-sitt kampjonat konsekuttiv fl-istorja tal-klabb fejn huwa rekord ukoll fl-Italja.

Fil-bidu ta’ dan l-istaġun ħafna partitarji Juventini u segwaċi tal-futbol kellhom ix-xewqa li dan l-istaġun idum biex jispiċċa għaliex kif ħafna jafu, dan l-istaġun mistenni jkun l-aħħar wieħed ta’ Buffon fix-xena tal-futbol.

It-28 ta’ Jannar, u proprju llum, Buffon jagħlaq 40 sena. ‘Superman’ huwa l-laqam ta’ Buffon mal-partitarji Juventini u bir-raġun, għaliex minkejja l-età li għandu, ħafna drabi Buffon dejjem kien protagonista fil-logħbiet u żgur li wara t-tluq tiegħu se jħalli t-timbru tiegħu fl-istorja glorjuża ta’ dan il-klabb.

Se nagħlaq bil-frażi li hemm fit-titlu ta’ dan l-artiklu u li ilna ngħiduha għal diversi snin: Gigi Santo Subito!

Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq marketing@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq info@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280