Il-Kumitat tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero bi pjaċir iħabbar li x-xogħol li kien għaddej fil-klabb issa tlesta u se jkun jista’ jinfetaħ mill-ġdid sa minn nhar l-Erbgħa li ġej għall-finali tal-Coppa Italia.
Fl-aħħar jiem ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji biex il-klabb ikun l-iktar sigur possibbli. Dan jinkludi tindif estensiv tas-swali u l-kċina, iż-żoni tal-komun kif ukoll l-apparat kollu bħas-sistemà tal-arja kundizzjonata li se tibda titnaddaf kull ġimgħa.
Madankollu l-Kumitat ifakkar li hu obbligat jimxi mar-regoli imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa, fosthom li jaċċetta massimu ta’ 75 persuna li jridu jkunu bilqegħda madwar mejda.
Għal dan l-għan, dawk interessati li jattendu għal xi logħba huma mitluba jibbukkjaw posthom billi jibgħatu messaġġ lit-tmexxija tal-bar fuq 79811133. Kull messaġġ irid jinkludi d-dettalji tal-logħba (eżempju: Finali tal-Coppa Italia), l-isem tal-persuna li qed tibbukkja u l-ammont ta’ persuni li se jkunu fil-grupp.
Ladarba jintlaħaq l-ammont massimu ta’ persuni, il-Kumitat ma jistax jagħmel eżenzjonijiet u għalhekk hu importanti li dawk li jridu jirriservaw post jagħmlu dan mill-iktar fis possibbli. Dan ifisser ukoll li mhux se jkunu aċċettati persuni li jattendu l-klabb mingħajr ma jkunu rriservaw isimhom.
Il-Kumitat se jkun qed jimxi mar-regoli kollha tal-awtoritajiet, inkluż billi jirrifjuta persuni viżibbilment ma jifilħux, kull min jattendi se jiġi ċċekkjat għad-deni u mhux se jkun permess li l-persuni jkunu mad-dawra tal-bar. Għal dan l-għan it-tmexxija tal-bar se jkollha persuni biex jieħdu l-ordnijiet mal-imwejjed.