Il-Maġistrat Joe Mifsud ġie nominat bħala President Onorarju tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero biex b’hekk sar l-ewwel persuna li jokkupa din il-kariga minkejja li qatt qabel ma kien serva bħala membru tal-Kumitat.

Ir-rikonoxximent ingħatalu mill-Kumitat waqt ċerimonja li saret fil-bini tal-klabb, fil-Marsa. Waqt diskors tal-okkażjoni, il-President Marlon Hili ddeskriva lill-Maġistrat Joe Mifsud bħala persuna ġenwina u professjonist rispettat, rikonoxxut minn kull parti tas-soċjetà, bil-kisbiet matul ħajtu u l-karriera tiegħu jagħmlu lill-membri tal-Kumitat onorati li jilqgħuh f’din il-familja Juventina.

Waqt li aċċetta dan l-unur, il-Maġistrat Mifsud innota li ż-żerriegħa miżrugħa seba’ snin ilu, meta grupp ta’ ħbieb bdew jiltaqgħu biex isegwu l-logħob ta’ Juventus, issa kibret f’siġra li qed tħalli l-frott bħala l-Juventus Club Mala Cuore Bianconero.

Hu faħħar it-twaqqif tal-klabb, li ddeskrivieh bħala “istituzzjoni li rnexxielha toffri alternattiva ġenwina lill-Juventini Maltin, bil-konsegwenza li nħolqot kompetizzjoni li wasslet ukoll biex tbaxxew il-prezzijiet tal-biljetti offruti lokalment.”

Innota wkoll kif il-membri tal-Kumitat qatt m’aċċettaw li jaqgħu għall-provokazzjoni jew kliem fieragħ, iżda minflok iffukaw fuq il-ħolqien ta’ dak li llum-il ġurnata hi rikonoxxut bħala wieħed mill-ikbar klabbs Juventini madwar id-dinja. Dan waqt li wiegħed il-kontribuzzjoni tiegħu biex jgħin lill-klabb joħroġ b’inizjattivi ġodda u jikber dejjem iktar.

F’dik li hi l-ewwel inizjattiva tiegħu bħala President Onorarju, il-Maġistrat Joe Mifsud ta b’donazzjoni sett ta’ dokumentarji biex jitgawdew mill-Juventini Maltin. Dawn id-dokumentarji se jservu bħala l-ewwel pass għall-ħolqien ta’ librerija fil-klabb.

Il-Maġistrat Joe Mifsud b’hekk jingħaqad mal-eks Presidenti Dr Joseph Borg, Omar Busuttil u Jean Borg kif ukoll wieħed mill-fundaturi, George Camilleri, u James Mizzi li huma l-Presidenti Onorarji tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero.

Fl-istess serata ġew rikonoxxuti wkoll l-eks President Gordon Pace u l-eks membri tal-Kumitat Charles Caruana, John Sant, Maximilian Zammit, Mark Zahra, l-Avukat Raiza Borg Carr u Saviour Camilleri għall-ħidma tagħhom b’risq il-klabb.