Juventus F.C. ikkonfermaw uffiċjalment lill-Juventus Club DOC Malta Cuore Bianconero tal-Imrieħel bħala l-ikbar supporters club barrani.

Ir-riżultat juri wkoll li l-klabb daħal fil-lista tal-ikbar 10 klabbs Juventini fid-dinja, f’lista ddominata minn klabb li jirrappreżentaw reġjuni sħaħ fl-Italja, u li nkiser rekord personali tal-ikbar ammont ta’ membri fl-istorja tiegħu.

Il-Kumitat tal-klabb innota dan is-suċċess b’sodisfazzjon u jistqarr li dan iġib miegħu responsabilita’ biex tkompli l-ħidma fejjieda għall-ġid tal-Juventini Maltin kollha. B’dan il-mod ikompli jissaħħaħ il-motto ta’ “klabb mill-membru għall-membru.”