Membri tal-Kumitat kif ukoll numru ta’ ħaddiema bdew bix-xogħol biex jgħaddu d-dawl madwar il-premises ġodda tal-klabb, li hu ppjanat li jkunu inawgurati sal-bidu tas-sena d-dieħla.
Ix-xogħol li hemm bżonn isir hu wieħed vast ħafna, hekk kif il-Kumitat għażel binja ġdida biex b’hekk tkun tista’ titqassam eżattament skont il-bżonnijiet tal-klabb.
Kif tħabbar fl-aħħar jiem, il-klabb se jkun fil-Marsa, f’żona fejn fix-xhur li ġejjin se tinbidel totalment bil-proġett tal-villaġġ tal-karnival u garaxxijiet għall-bands.
Dan il-pass ġdid se jġib spejjeż kbar lill-Kumitat li jaħdem b’mod volontarju, u fuq kollox xogħol biex fi ftit xhur il-post ikun lest biex jilqa’ lill-Juventini Maltin.
L-appell hu biex dawk li jixtiequ jgħinu iżjed, kemm b’donazzjonijiet ta’ oġġetti, memorabilia jew materjal, inkella jixtiequ jagħtu daqqa t’id b’mod manwali jew ikunu sponsors tal-klabb, jibagħtu email fuq admin@juventusmalta.com biex jingħataw dettalji dwar il-pakketti ta’ riklamar.