Fi tmiem il-partita kontra Lazio, il-kowċ Massimiliano Allegri kien sodisfatt bir-rebħa tal-lum u sostna li kien rispons immedjat wara t-telfa kontra Fiorentina. Il-formazzjoni li ġiet użata llum kienet opportunità biex Miralem Pjanic, Mandzukic u d-duo Arġentin Dybala u Higuain jibdew kollha fil-formazzjoni inizjali.
“Kienet il-logħba ideali biex nużaw formazzjoni differenti però dan ma jfissirx li dejjem se nużaw din il-formazzjoni jew nilgħabu bħal-lum. Illum il-plejers urew li meta kulħadd jilgħab għal xulxin tkun tista’ tutilizza plejers f’pożizzjonijiet differenti. Għalkemm waslet ir-rebħa u lgħabna tajjeb iżda xorta waħda rridu nitjiebu speċjalment jekk irridu navvanzaw fiċ-Champions League” sostna Allegri.
“Illum kellna responsabbiltà kbira fuq spallejna iżda l-plejers irrispondew tajjeb ħafna u produċew prestazzjoni tajba ħafna. Qabel il-partita tennejtilhom biex jilgħabu bħala tim u jitqatlu għal xulxin u fid-90 minuta rnexxilhom jagħmluha. Stajna għamilna ħafna iktar fl-aħħar fażi tal-attakk iżda xorta waħda kuntent bil-prestazzjoni.”
Fost kritika li qalgħu t-tim ta’ Juventus u Allegri kienet rigward t-tibdiliet fil-formazzjoni u plejers. “Waqt it-training bdejt naħseb biex nibdel il-formazzjoni u hekk għamilt. L-abilitajiet tal-plejers tagħna tagħmila iktar faċli għalija biex nagħmel dan. Mandzukic kellu partita tajba ħafna mal-linja tax-xellug, fejn meta daħal Pjaca kellu kontribut tajjeb ħafna wkoll.”
Fl-aħħar Allegri tenna li tkun xi tkun il-formazzjoni li jinżlu biha Juventus xorta waħda għandhom iżommu l-istess ritmu.” Irridu nkunu konxji bil-kapaċitajiet tajbin li għandna u rridu nemmnu fina nfusna jekk speċjalment irridu nikkompetu ma’ kull avversarju li niltaqgħu miegħu anke fl-Ewropa.”
Sors: TuttoJuve
Ħalli Kumment