Wara l-waqfa għal-logħbiet internazzjonali, irritornat is-Serie A u rritornaw Juventus. Juventus irritornaw bil-kbir b’rebħa komda u konvinċenti speċjalment fl-ewwel taqsima.
Fil-formazzjoni inizjali ta’ Massimiliano Allegri kien hemm imniżżlin l-akkwisti l-ġodda ta’ dan is-sajf, Miralem Pjanić u Gonzalo Higuaín li eventwalment huma kienu l-protagonisti fit-tliet goals li ġew skurjati minn Juventus illum.
Kien bidu trijonfali ghal Juventus f’din il-partita hekk kif fl-ewwel għaxar minuti tal-logħba, Gonzalo Higuaín skurja darbtejn biex tefa’ lill-partitarji preżenti fil-Juventus Stadium f’atmosfera ta’ festa. Dan kien it-tielet gowl tal-Pipita fi tliet logħbiet.
Fis-27 minuta kien imiss l-akkwist l-ieħor ta’ Juventus Miralem Pjanić biex iniżżel ismu fost l-iscorers u jnaqqax id-debutt tiegħu ma’ Juventus b’mod perfett.
Fit-32 minuta Juventus sofrew gowl minn żball fil-ħarġa ta’ Gianluigi Buffon, fejn minħabba f’hekk sofrew l-uniku gowl min-naħa tal-avversarji.
Fit-tieni taqsima r-ritmu tal-logħba naqas. Ċansijiet kienu fuq iż-żewg naħat u lejn l-aħħar meta Juventus baxxew ir-ritmu Sassuolo ħadu ftit iktar il-logħba f’idejhom però d-difiża solida ta’ Juventus għarfet tikkontrolla kollox.
Issa l-impenn li jmiss ghaċ-Champions Taljani huwa nhar l-Erbgħa fl-ewwel logħba tal-Uefa Champions League kontra Sevilla fejn imbagħad l-impenn li jmiss fil-kampjonat se jkun nhar il-Ħadd 18 ta’ Settembru kontra r-rivali Inter.
Tlieta minn tlieta, Alla prossima!
Ħalli Kumment