Il-Kumitat tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero ta estensjoni tas-sħubija lill-membri kollha tal-klabb. B’hekk qed jingħata kumpens għax-xhur li l-klabb dam magħluq minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa kawża tal-pandemija tal-Covid-19.

L-estensjoni, b’xahrejn, ingħatat ukoll lil dawk il-persuni li s-sħubija tagħhom skadiet fil-ġimgħat li għaddew, mill-għeluq tal-klabb sa llum, u li ma ġeddewx. Dan biex huma wkoll jiġu kumpensati għad-drabi li ma setgħux jaċċessaw il-klabb.

Id-deċiżjoni tfisser li l-klabb se jesperjenza xahrejn oħra li matulhom se jirreġistra dħul inqas mit-tiġdid tas-sħubija u ttieħdet minkejja d-diffikultajiet kbar li affaċċja l-klabb, b’nuqqas kważi totali fid-dħul imma spejjeż rikorrenti bħall-kera u kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Minkejja dan, il-Kumitat jemmen li l-membri tiegħu sofrew mingħajr tort kawża tar-riperkussjonijiet tal-pandemija u m’għandhomx ikunu huma li jġorru dan il-piż. Dan anke jekk il-benefiċċji relatati mas-sħubija, inkluż skont minn diversi stabbilimenti lokali, baqgħu validi f’dawn il-ġimgħat fejn il-klabb ma setax jinfetaħ.

L-estensjoni fuq is-sħubija hi waħda awtomatika u allura m’hemmx bżonn li l-membri jagħmlu xi ħaġa min-naħa tagħhom. Madankollu l-Kumitat jappella biex dawk li għandhom tessera li tidher li skadiet, jinfurmaw lill-membri tal-Kumitat mad-dħul tagħhom fil-klabb. Hu importanti li kull min jattendi l-klabb iġib miegħu t-tessera jew jitlob li tingħatalu jekk qatt ma ġabarha.

Infakkru wkoll li għadha valida l-kompetizzjoni li permezz tagħha dawk li jattendu għal-logħob jingħataw ammont ta’ punti skont il-logħba jew attività. Fi tmiem l-istaġun, il-punti se jingħaddu u jistgħu jintrebħu żewġ biljetti għal logħba ta’ Juventus.

DIn il-kompetizzjoni tapplika għall-membri tal-klabb. Għalhekk hu importanti li dawk li jixtiequ jipparteċipaw iġibu magħhom il-fuljett li ngħatalhom, jew jitolbu wieħed.