Waqt intervista twila ma’ La Gazzetta dello Sport, l-eks kowċ ta’ Juventus, Marcello Lippi, li mal-bianconeri kiseb erba’ finali tal-UEFA Champions League u t-tazza nnifisha fl-1996, tkellem fid-dettall dwar is-sitwazzjoni ta’ Juventus fiċ-Champions League u dwar argumenti oħra.
Fost l-aktar punti importanti li semma, Lippi tkellem dwar il-possibbiltà ta’ Juventus li jgħollu t-tazza ta’ widnejha kbar. Hu saħaq li f’dawn l-aħħar snin Juventus kisbu l-mentalità li tim għandu bżonn biex jikkompeti ma’ timijiet kbar bħal Bayern, Real u Barcelona. Irrimarka wkoll li bi plejers bħal Higuaìn, Dybala, Marchisio, Mandžukić u Buffon, il-bianconeri jistgħu jħabbtuha mal-aqwa forzi fl-Ewropa.
Lippi kellu wkoll kliem ta’ tifħir rigward Massimiliano Allegri. Faħħru għall-fatt li bħall-aqwa timijiet fl-Ewropa sab sistema li teżalta l-potenzjalità offensiva li għandu fit-tim. Kompla billi qal li għall-kuntrarju ta’ xi wħud, Allegri kien intelliġenti biżżejjed li għall-bidu kompla fuq it-3-5-2 li Juventus kienu draw biha, u gradwalment daħħal l-idea tiegħu tal-4-2-3-1 fil-mument opportun.
Meta mistoqsi dwar ix-xebh bejn it-tim preżenti u dak tal-1996, il-kowċ tat-tim nazzjonali Ċiniż stqarr li jara ħafna analoġiji, speċjalment fl-atteġġjament tal-iskwadra. Hawnhekk tkellem ukoll dwar il-battibekk bejn Bonucci u Allegri, fejn filwaqt li fakkar li Juventus qatt ma ttolleraw ċertu mġieba, qal li r-reazzjoni ta’ Bonucci hija turija ta’ personalità ta’ plejers li dejjem jixtiequ jkunu protagonisti.
Finalment, Lippi tkellem ukoll dwar Paulo Dybala, meta qabblu ma’ Omar Sivori. Qal li Dybala għandu “l-istess kattiverja sportiva, l-istess klassi u l-istess ġenjalità” li kellu Sivori. Qal ukoll li fl-opinjoni tiegħu bejn Dybala u Juventus hemm relazzjoni b’saħħitha, u għaldaqstant l-istorja tal-Arġentin mhix se tispiċċa bħal dik ta’ Pogba.
Sors: Gianluca Di Marzio
Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.
Ħalli Kumment