L-eks plejer ta’ Juventus u t-tim nazzjonali tal-Urugwaj, Fabián O’Neill, iddikjara li llum il-ġurnata spiċċa fqir, jaħdem f’bar ta’ Montevideo biex jaqla’ x’jiekol.
“Matul il-karriera tiegħi qlajt madwar 14-il miljun dollaru. Ċifra enormi li ħlejt fuq nisa, alkoħol u mħatri. Tlift kollox imma hu biss tort tiegħi,” iddikjara O’Neill.
Qal li s-sitwazzjoni tiegħu tant kienet gravi li lanqas psikologu ma seta’ jgħinu. “Illum spiċċajt ngħin f’bar ta’ Montevideo li sidtu hi t-tifla ta’ ħabib tiegħi. In-nies drawni u kollha jafu l-istorja tiegħi.”
Minn dak li jaqla’, O’Neill ikollu biex jiekol u llum il-ġurnata jġemma’ xi ħaġa għal uliedu. “Suppost ma kellix immiss alkoħol għal tliet snin, imma żammejt biss xahar. Solvejt il-problema tan-nisa u l-imħatri sempliċement għax ma fadallix flus.”
Fakkar ukoll fil-perjodu tiegħu f’Cagliari, fejn qal li n-nies kienu jgħajruh xurban meta kien ikun fil-ħin liberu fuq xi bajja, iżda meta l-klabb ġie promoss għas-Serie A kienu l-istess nies li jħallsulu x’jixrob.
Sors: Ovacion Digital
Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.






