Stennejna, ridna naraw l-ewwel impressjoni u jkollna ngħidu li kienet waħda tajba.

Ma jimpurtax jekk qatt ma ħarreġ lill-ebda skwadra qabel. Id-difensur xellugi Taljan ta’ 21 sena jibbrilla, dak il-plajer ġdid f’nofs il-grawnd li saħħaħ nofs il-grawnd, saħħaħ lil dawk li kien hemm qabel u ta’ dehra ġdida u ħafna iktar mobbiltà f’nofs il-grawnd, l-stilla ta’ 20 sena li lagħab bħala attakkant improvviżat għalkemm huwa winger lemini naturali u sab ix-xibka ukoll.

Il-Ħadd filgħaxija għadda l-ewwel test ta’ Juventus għall-istaġun 2020/21.

L-ewwel logħba uffiċjali ta’ Andrea Pirlo bħala kowċ tad-disa’ darbiet konsekuttivi champions tas-Serie A ttik raġuni biex tittama li l-affarijiet ser ikunu mixjijn fit-triq it-tajba. Forsi għal xi wħud Juventus ta’ Pirlo hija waħda li għadna ma nafux u rridu nistennew xi sorpriżi. Biss nistennew u naraw.

Juventus jieħdu l-kontroll sħih tal-logħba kmieni fil-logħba u grazzi għal perla ta’ gowl fit-tlettax il-minuta mid-debuttant Dejan Kulusevski wasslitna għal rebħa ta’ 3-0 fuq Sampdoria fl-Allianz Stadium. Ma niddejjaqx ngħid li kienet serata divertenti ta’ futbol u li nerġa nara lil Juventus jilgħabu u jilgħabu tajjeb wara diversi xhur kienet iċ-ċirasa fuq il-kejk. Wara diversi tlajja u nżul ta’ logħbiet u ta’ riżultati fl-istaġun li għadda, din kienet bidla tajba u żgur li għall-aħjar. Pirlo kellu idea ċara ta’ dak li ried li jagħmel it-tim tiegħu u r-riżultat aħħari kienet rebħa relattivament komda.

Kien tassew it-tip ta’ bidu pożittiv li ridna naraw minn Pirlo kif ukoll mill-iskwadra Juventina inġenerali. Nistgħu ngħidu li kellna idea pjuttost ċara ta’ kif irid jibda jilgħab Pirlo: 3-5-2 jew 3-4-1-2 bit-tattika tat-tim tinbidel ghal 4-4-2 meta jiddefendi.

Għal ħafna ħin ta’din il-logħba ffunzjonaw sew dawn it-tattiċi u kien pjan li pjuttost qala’ kritika tajba. Iżda l-iktar ħaġa li kienet evidenti hija li Juventus lagħbu futbol mgħaġġel, bi tmexxija tal-ballun malajr fl-spazji u lagħbu b’ħafna aktar enerġija meta mqabbla ma’ ftit tax-xhur ilu. Ta’ min jgħid ukoll li dan kien it-tip ta’ logħob li rajna anke kontra Novara fl-uniku logħba ta’ ħbiberija qabel il-bidu uffiċjali tal-istaġun.

Ix-xogħol li għamel f’nofs il-grawnd l-akkwist il-ġdid McKennie kien kbir u ta’ kwalità flimkien mal-prestazzjoni impekkabbli ta’ Ramsey u Rabiot, b’dan tal aħħar qed jikseb aktar il-forma logħba wara logħba. Xi ngħidu għall-prestazzjoni ta’ Gianluca Frabotta mal-linja xellugija? “Brillanti”. Dejan Kulusevski, l-attakkant akkwistat mingħand Parma f’Jannar li għadda, plejer ta’ statura, aġli u kalm bil-ballun anke fil-mument li jixxutja lejn il-lasti? “Formidabbli”.

Issa nisperaw biss li dan it-tip ta’ logħob li rajna lbieraħ kontra Sampdoria nibqgħu narawh matul l-istaġun. Żgur u m’għandix dubju li hekk ser ikun.

Kien hemm ukoll mumenti, speċjalment fit-tieni taqsima, fejn Sampdoria resqu viċin il-lasta, ittestjaw lil Szczesny u saħansitra pprovaw jiskurjaw. Filfatt Sampdoria kellhom 11-il xutt fil-logħba, erbgħa minnhom lejn il-lasti, iżda ma kienx qabel l-aħħar partijiet tat-tieni taqsima fejn Szczesny fil-fatt ġie msejjaħ fl-azzjoni. Iżda ta’ min jgħid ukoll li ma kienx hemm id-diżorganizzazzjoni difensiva li rajna fl-istaġun li għadda u lbieraħ dan żgur li għen hafna lin-numru wiehed ta’ Juventus.

Jista’ jkun li din is-sena l-livell tal-kampjonat ser ikun aktar għoli u ser ikollna kompetizzjoni aktar min staġuni oħra, biss jidher biċ-ċar li hemm bażi tajba biex tibni minn hawn ‘il quddiem. Fil-ġimgħat li ġejjin ser ikollna stampa ċara sew ta’dan kollu u ser inkunu nafu sa fejn nistgħu naslu.

L-ewwel impressjoni ta’ Mister Pirlo kienet pjuttost tajba, kif ukoll tal-iskwadra li rrispondiet ferm tajjeb. Buona la prima!