Is-sena 2019 waslet fi tmiemha wkoll. F’dan il-perjodu hu ż-żmien opportun li wieħed janalizza dak li jkun għadda minnu, dak li sar ħażin jew tajjeb u dak li forsi jista’ jmur aħjar matul is-sena li tkun ġejja.

Fil-kamp tagħna hemm żewġ analiżi x’wieħed jista’ jagħmel. L-ewwel analiżi hi fuq s-sena tat-tim favorit tagħna, u li ovvjament ftit li xejn għandna kontroll dwaru ħlief li nisperaw li kull sena tkun aħjar jew almenu bħal ta’ qabel. Infatti, li kieku kelli nitkellem dwar l-2019 għal Juventus, għall-ewwel darba fl-aħħar snin ikolli nammetti li kienet effetivament sena pjuttost ħażina.

Dan minkejja li rbaħna l-kampjonat, u rbaħnieħ kważi xahrejn bil-quddiem. Madankollu hu anke fatt li, ikkumparat mas-snin ta’ qabel, Juventus naqqsu l-ammont ta’ tazzi li kkompetew fihom u ma rebħux. Fl-2019, Juventus ikkompettew fis-Serie A, Coppa Italia, Super Coppa Italiana u t-Tazza tac-Champions, imma kulma rnexxielhom jieħdu lura d-dar kien il-kampjonat.

Biex ngħiduha kif inhi, hawn timijiet jew sapporters li min jaf kemm lesti jħallsu biex jiktbu dak li qiegħed nikteb jien u, almenu, jifirħu li minn erba’ tazzi rebħu biss waħda.

Nisperaw li s-sena li ġejja finalment tkun is-sena li fiha nġibu lejn darna dik l-imbierka tazza ta’ widnejha kbar, li b’ordni tas-Segretarju Peter Paul Cassar ma nistax insemmiha b’isimha għaliex skond hu, ta’ bniedem superstizzjuż li hu, iġġib x-xorti l-ħażina.
Mill-banda l-oħra, jekk nevalwa s-sena 2019 tal-klabb, ir-riżultati huma ferm differenti. Apparti l-fatt li l-klabb ħatarni bħala President, li suppost kellha tkun l-isbaħ ħaga li esperjenza dan il-klabb matul din is-sena (ovvjament niċċajta).

Wieħed mill-isbaħ mumenti matul din is-sena żgur li kien iż-żjara memorabbli tal-leġġenda ta’ Juventus Claudio Marchisio, frott il-ħidma ta’ dan il-Kumitat. Attività li anke skond il-kummenti li rċieva l-Kumitat kienet waħda suċċess u li żgur se tibqa’ tissemma’ fl-istorja ta’ dan il-klabb.

Iżda nemmen li ż-żjara ta’ Marchisio, li nħatar ukoll bħala President Onorarju ta’ dan il-klabb, kienet biss iċ-ċirasa fuq il-kejk ta’ sena mimlija suċċessi għal dan il-Kumitat u l-klabb. Dan wara sajf bla waqfien ta’ ħidma u manutenzjoni fil-binja tal-klabb, fejn ftaħna l-ħanut ‘JCMCB Store’ immexxi mill-Vici President Paul Valletta, bi prodotti uffiċjali ta’ Juventus u anke tal-klabb.

Rajna wkoll il-ftuħ ta’ uffiċju ġdid, iktar komdu u ikbar biex il-membri jkunu jistgħu jibbukkjaw biljetti għal-logħob ta’ Juventus kif ukoll diversi servizzi oħra

Bla dubju li wieħed mill-mumenti imprezzabbli kienet il-ħatra tal-Magistrat Joe Mifsud bħala l-ewwel President Onorarju li qatt ma serva bħala membru tal-Kumitat. Din il-ħatra seħħet proprju waqt attività organizzata mill-klabb nhar is-6 ta’ Settembru 2019; dan kollu jingħaqad ma’ rekord ta’ tesseramenti fejn għal darb’oħra rnexxielna naqbżu l-mira ta’ elf membru attiv f’dak li hu sinjal ta’ fiduċja fil-ħidma tagħna bħala Kumitat.

Hu għalhekk li f’isem sħabi tal-Kumitat u l-familji tagħna nixtiequ minn qalbna noffru l-isbaħ xewqat għall-Milied u għas-sena ġdida mil-isbaħ lis-segwaċi ta’ dan il-klabb u lill-qraba tagħhom. Dan waqt li nawguraw sena mimlija ġid, hena u dak kollu li tixtieq qalbkom.

Min-naħa tagħna, bħala Kumitat, nassiguraw li qegħdin nagħmlu dak kollu possibbli sabiex ma nħallukomx diżappuntati.

Marlon Hili
President tal-Juventus Club Malta Cuore Bianconero