F’dawn l-aħħar jiem, ġurnali Taljani ħarġu stejjer dwar dak li seta’ ġara fl-intervall ta’ Juventus-Real Madrid.

Fil-fatt, il-gazzetta Repubblica rrappurtat li Bonucci talab lil Allegri biex idaħħal lil Cuadrado minflok Barzagli. Dan tal-aħħar ma ħadhiex tajjeb, dejjem skont Repubblica.

Ma’ dan La Stampa żiedet ukoll li d-difensur minn Viterbo kellu xi diżgwid ma’ Dybala minħabba kif kien qiegħed jilgħab wara li ġie ammonit fit-tnax-il minuta tal-ewwel taqsima.

Kien hawnhekk li permezz ta’ Facebook Leonardo Bonucci ċċara dak li ġara tassew dakinhar: “Fid-dawl ta’ dak kollu li nkiteb fl-aħħar jiem minn xi ġurnalisti dwar tilwim li suppost seħħ bejni u xi wħud minn sħabi nemmen li wasal il-mument li nippreċiżaw is-sitwazzjoni.”

Kompla li “xejn minn dak li nkiteb u ntqal huwa veru. Ma kien hemm l-ebda ġlied bil-kliem, wisq inqas fiżiku, minni jew xi ħadd ieħor. L-intervall bejn l-ewwel u t-tieni taqsima tal-finali tal-UCL kien wieħed bħall-oħrajn fejn, nirrepeti, ma ġara xejn. Dawn huma l-unika kelmiet li għandi dwar din il-biċċa xogħol u nispera li jkunu tal-aħħar.”

Għamilha ċara wkoll li “f’każ li ma jkunux biżżejjed biex jiċċaraw is-sitwazzjoni u biex juru l-verità, inkun lest biex indur lejn l-avukati tiegħi ħalli nipproteġi ismi u r-reputazzjoni tiegħi.”

Sorsi: Sportmediaset/Facebook

Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280