Hekk kif il-kumpanija Deloitte ħarġet il-Football Money League, lista tal-klabbs tal-futbol li l-iktar irreġistraw dħul f’sena finanzjarja, Juventus huma l-ewwel fost it-Taljani imma fl-għaxar post globalment.
Dan hekk kif il-klabb Juventin kellu dħul ta’ ftit inqas minn €291 miljun, megħjun fost l-oħrajn mill-kontinwazzjoni tal-isponsorship ta’ Jeep u mill-bejgħ ta’ miljun u nofs flokk.
Manchester United jinsabu fil-quċċata tal-lista, bi dħul ta’ kważi €588 miljun, jew $515.3 miljun, biex b’hekk sar l-ewwel klabb li qatt qabeż in-nofs biljun sterlina fi dħul.
Isegwu f’din l-ordni wieħed isib lil Barcelona, Real Madrid, Bayern München, Manchester City, PSG, Arsenal, Chelsea u Liverpool.
Wara Juventus, fl-għaxar post, Roma huma l-ewwel klabb Taljan. Il-Giallorossi jinsabu fil-15-il post bi dħul ta’ €105 miljun inqas minn Juventus, għalkemm wieħed irid jinnota li attwalment jilagħbu mingħajr sponsor fuq il-flokk. Milan jinsabu post warajhom, waqt li Inter ikklassifikaw fid-19-il post.
Mis-sena li għaddiet, id-dħul tal-klabbs fl-ewwel 20 post tela’ bi 12% għal €62.73 biljun. Hu stmat li sas-sena li għaddiet, il-klabbs kollha tal-Premiership se jkunu fit-Top 30 minħabba kuntratti rekord tad-drittijiet televiżivi.
Sors: Deloitte/The Mirror
Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artiklu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq marketing@juventusmalta.com.
Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq info@juventusmalta.com






