Il-kummentatur sportiv Fabio Caressa qal li jaħseb li Juventus se jinżlu kontra Inter il-Ħadd li ġej bil-formazzjoni ta’ 3-5-2 u mhux bl-4-2-3-1.
Skont hu, dan għaliex Juventus iridu jaffrontaw lil Inter bi pressing għoli u biex jagħmlu dan għandhom bżonn ekwilibriju perfett. Speċjalment meta wieħed iqis il-forma splendida li għaddejjin minnha Inter taħt it-tmexxija ta’ Stefano Pioli.
Għaldaqstant, fuq Sky Sport Caressa ipotizza li Juventus probabbilment se jilagħbu bil-BBC fid-difiża u b’Dybala trekwartista wara Mandžukić u Higuaín.
Qal ukoll li ma jaħsibx li Pjanić se jkun qiegħed jilgħab ma’ Marchisio quddiem id-difiża, iżda għandu jkun Khedira li jakkumpanja lil Marchisio fil-qalba ta’ nofs il-grawnd.
Bħala opinjoni personali, għalkemm dak li qal Caressa tista’ tkun ipoteżi għal-logħba tal-Ħadd, ma naħsibx li Allegri se jkun qed joqgħod lura mill-modulo l-ġdid li sab.
Ċertament, l-esperiment ta’ Allegri għadu ma ġiex ittestjat kontra avversarju qawwi f’forma tajba, u f’dawn iċ-ċirkostanzi ma nistgħux inkunu ċerti huwiex se jreġi jew le.
Iżda wara li Chiellini stess kien qal li bit-tluq ta’ Pogba t-3-5-2 tilef l-ekwilibriju mixtieq, b’Mandžukić u Cuadrado li jkopru kull żona fuq il-faxxa tagħhom nemmen li Allegri inklinat li jżomm l-istess stil ta’ logħob bħall-aħħar tliet logħbiet.
Sors: Sky Sport
Ħalli Kumment