Wara ħafna stennija, ħafna minnkom jistaqsu, wara aktar minn seba’ xhur il-bogħod mill-post li tant infittxu, tant inħobbu u li tant jgħaqqadna, ser nerġgħu lura.  Iva għadna hawn u bqajna naħdmu fil-kwiet matul dawn ix-xhur ta` nuqqas milli niltaqgħu fil-klabb.  Ix-xogħol baqa’ għaddej u issa lesti biex nilqgħuk lura fid-dar Juventina tiegħek ġewwa Malta.

Ser nerggħu lura biex għal darb’ oħra nkunu flimkien, biex nieħdu pjaċir fil-kumpanija ta`xulxin u biex fl-aħħar mill-aħħar nagħmlu dak li l-aktar jagħtina pjaċir, naraw logħba futbol flimkien.  Huwa ferm sabiħ li taħseb biss li ser tagħmel dan, u huwa diġa biżżejjed aħseb u ara li ser tkun qed terġa tiltaqa’ u tkun ma’ dawk li qattajt ammont ta`sigħat, ġranet u ġimgħat magħhom fil-passat. Li naraw logħba futbol flimkien ġiet qisa xi ħaġa kbira f’dawn l-aħħar sena u nofs hux!? Biss issa ser nirritornaw lura, mhux biex naraw lill-Juventus “għalissa” – dak iż-żmien jasal ukoll – imma biex naraw il-logħob tal-Euro 2020. 

Il-klabb u l-bar ta` l-istess klabb tagħna ser ikunu miftuħin għall-logħbiet tal-Euro 2020 magħtul ix-xahar li ġej (li jibda min-nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ġunju 2021) u fil-jiem li ġejjin, il-klabb ser ikun qiegħed iħabbar ukoll skemi  ġodda b’offerti vantaġġjużi mmens għall-ħlas ta’ sħubija għall-istaġun 2021-2022.  Membri mill-Kumitat ser ikunu preżenti f’ċerti ġranet sabiex int tkun tista’ tmur u tħallas s-sħubija tiegħek.  Aktar dettalji fuq dan ser jitħabbru fis-sigħat li ġejjin, fil-grupp Facebook tal-klabb u fil-paġna Facebook tal-klabb.

Fil-jiem li ġejjin, il-Kumitat tal-klabb ser ikun qiegħed iħabbar ukoll attivitajiet li ser jiġu organizzati fis-sede tal-klabb.  Attivitajiet li kulħadd għandu jattendi għalihom mal-familjari tiegħu u flimkien ingawdu serati sbieħ f’atmosfera ta’ familja Juventina. 

Filwaqt li f`isem il-membri tal-Kumitat nirringrazjaw lil kull min staqsa fuq il-Klabb u min wera interess li jkun ta’ għajnuna, nistennew li narawkom fil-jiem li ġejjien.

Jean Borg
JCMCB