Paulo Dybala għaddej minn maltempata personali hekk kif tfajla minn Palermo qed takkużah li ħareġ magħha fl-istess żmien li kien għarus ma’ oħra.

F’intervista li tat, Ginevra Sozzi ddikjarat li kienet għaddejja relazzjoni bil-moħbi bejnha u bejn il-plejer Arġentin. “L-istorja tagħna bdiet tliet snin ilu meta kien ma’ Palermo. Imbagħad hu beda joħroġ ma’ tfajla Arġentina iżda aħna bqajna f’relazzjoni bil-moħbi waqt li hi kienet f’pajjiżha jew f’Turin. Wara l-logħob, konna noħorġu flimkien għal xi ikla, u kien ikun hemm ukoll plejers oħra.”

Kompliet li waħda mill-aħħar drabi li ltaqgħu kien meta Juventus rebħu l-kampjonat u ġiet organizzata festa privata. “Ried jistedinni, imma l-aġenti tiegħu m’approvawx ir-relazzjoni tagħna. Ma kinux jarawni tajba għalih għaliex kienu jemmnu li kont wisq iċ-ċentru tal-attenzjoni, meta kkumparat mat-tfajla tiegħu, li hi iżjed kwieta u trankwilla u li dak li tgħidilha tagħmlu.”

Sozzi tgħid li finalment għamlitlu kundizzjoni li jew magħha jew le. “Ridt l-esklussività u waqaf kollox hemm,” iddikjarat Ginevra. Madankollu, jidher li kienet din l-infedeltà li wasslet lil Antonella Cavalieri biex titilqu.

Lejn tmiem Novembru madankollu ġie rrappurtat li Antonella u Paulo reġgħu flimkien, tant li mistennija tirritorna f’Turin fil-jiem li ġejjin biex jgħixu flimkien mill-ġdid. Minkejja dan, issa wieħed irid jara jekk l-intervista ġdida ta’ Ginevra Sozzi hijiex se tħalli effett.

Intervista li toħroġ fl-isfond ta’ prestazzjonijiet xejn tajba mill-plejer fil-grawnd. “Bħala plejers aħna nies kuntentissimi, imma biss meta jkollna l-ballun f’saqajna. Dak li hemm wara ħafna drabi xejn mhu sabiħ. Min isir plejer u jilħaq il-livell tiegħi, ħafna drabi jkun bniedem ta’ solitudni,” iddikjara Paulo Dybala fl-aħħar jiem.

Waqt il-poloz taċ-Champions League, dwar dan saħansitra tkellem il-Viċi President Pavel Nedvěd li f’dik li tista’ titqies bħala botta, issuġġerielu jagħmel is-sagrifiċċji fil-ħajja privata.

“Għandna bżonn lil Dybala. Għandu 24 sena u f’dik l-età hu normali li jkollu perjodi tajbin u oħrajn inqas tajbin. Madankollu, jaf li għandu soċjetà li hi qrib tiegħu. Magħna jaf li jista’ jitkellem u se nappoġġjawh dejjem. Jista’ jilħaq objettivi mill-aqwa imma nissuġġerilu li dejjem jagħti l-aħjar fit-taħriġ u jagħmel sagrifiċċji fil-ħajja privata,” iddikjara Nedvěd.

Sors: Vanity Fair/Tuttosport

Tixtieq li r-riklam tiegħek jidher fuq kull artilu ta’ dan is-sit, kif ukoll fuq il-pjattaformi kollha tal-klabb? Tista’ tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor jew titlob iżjed informazzjoni billi tagħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.

Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com

dical-banner-1200×280