F’intervista għal Sky Sports, il-plejer internazzjonali Kroat Marko Pjaca sostna li jinsab kuntent ħafna li fl-aħħar logħba kienet l-ewwel partita tiegħu li kien fil-formazzjoni inizjali ta’ Massimiliano Allegri.
“Kemm ili ma’ Juventus s’issa tgħallimt ħafna affarijiet. Fuq il-futbol Taljan sirt naf iktar kemm ili nagħmel parti minnu u fuq Juventus tgħallimt iktar rigward id-dixxiplina, organizzazzjoni u l-mentalità tagħhom. F’dan it-tim il-kompetizzjoni hija kbira u għalhekk importanti li dejjem nittrenjaw bis-serjetà.”
Marko Pjaca tkellem ukoll rigward iż-żmien diffiċli li għadda minnu minħabba l-injury li sofra.
“Huwa dejjem diffiċli li ssofri injury eżatt meta tkun mort ma’ tim ieħor għaliex tkun trid turi l-kapaċitajiet tiegħek biex tipprova tirbaħ postok fit-tim però meta ssofri injury bilfors ħa titfgħek naqra lura.”
Il-kompatrijott tiegħu Mario Mandžukić kien fattur importanti fit-trasferiment ta’ Pjaca ma’ Juventus.
“Ma’ Mario għandi relazzjoni tajba u nafu mill-viċin ħafna permezz tat-tim nazzjonali Kroat. Ninsab grat ħafna lejh tal-pariri siewja li dejjem tani u talli dejjem għallimni biex nitjieb fil-logħba tal-futbol.”
Sors: TuttoJuve
Ħalli Kumment