Għall-partita ta’ għada l-Ħadd 5 ta’ Marzu kontra Udinese, Allegri jidher li se jkun qiegħed jerġa’ jipproponi l-4-2-3-1 wara li l-aħħar partiti wrew kemm din is-sistema ta’ logħob teżalta l-kwalitajiet ta’ Juventus.
Wara żewġ logħbiet ta’ nuqqas, bejn il-lasti se jerġa’ jkun hemm Buffon. Quddiemu mistennija jkun hemm Dani Alves u Alex Sandro bħala difensuri laterali, iżda fil-qalba tad-difiża s-sitwazzjoni hija kemxejn iktar inċerta. Jidher li Bonucci se jkun preżenti, iżda mhux ta’ min jeskludi li jista’ jilgħab Barzagli minfloku. Fl-istess waqt, Rugani u Benatia se jkunu qed jissieltu għall-post l-ieħor ta’ difensur ċentrali.
Kollox jindika li Khedira għandu postu garantit għal-logħba fid-Dacia Arena, filwaqt li hemm dwell bejn Pjanić u Marchisio għal min se jilgħab maġenb il-Ġermaniż. S’issa jidher li Marchisio għandu vantaġġ fuq il-Bożnijaku.
Fl-attakk is-sitwazzjoni tidher iktar ċerta fejn il-kowċ ta’ Juventus jidher li se jkun qed jerġa’ jipproponi lil Cuadrado, Dybala u Mandžukić wara Gonzalo Higuaín. L-uniku dubju ċkejken huwa dwar Marko Pjaca, li jaf jieħu post Cuadrado fuq il-faxxa leminija.
Ta’ min wieħed isemmi wkoll li Juventus mhu se jkollhom lil ħadd sospiż, iżda Sturaro mhux se jkun disponibbli minħabba problemi muskolari f’żaqqu. Bonucci, Chiellini, Cuadrado, Rincon u Rugani jinsabu karta safra ‘l bogħod minn skwalifika.
Sorsi: Tuttosport/Gazzetta dello Sport/Corriere dello Sport/SportMediaset
Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.
Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com
Ħalli Kumment