Il-UEFA ħabbret tibdil fiċ-Champions League tal-edizzjonijiet li jintlagħbu bejn l-2018 u l-2020.
It-tibdil ifisser li l-logħob għal dan il-perjodu se jintlagħbu f’żewġ ħinijiet differenti: żewġ logħbiet fis-19:00 u sitta oħra fid-21:00.
Skwadri mill-55 federazzjoni rikonoxxuti se jibqgħu jingħataw iċ-ċans li jidħlu fil-fażi tal-gruppi, waqt li r-rebbieħa tal-kompetizzjonijiet nazzjonali jidħlu fiċ-ċans li jgħaddu għall-Europa League jekk jiġu eliminati miċ-Champions League.
Sar ukoll tibdil fil-coefficient tal-klabbs, fost l-oħrajn billi l-20% tal-kontribut tal-coefficient tal-federazzjonijiet nazzjonali mhux se jibqa’ jgħodd. Mhux se jibqa’ jkun hemm vantaġġ għall-klabbs skont l-istorja tagħhom, għaliex il-coefficient jingħadd biss fuq ir-riżultati tal-aħħar ħames snin.
Madankollu, il-klabbs storiċi, jiġifieri dawk li rebħu l-iżjed trofej fl-aħħar snin, se jirċievu iżjed flus. Dan għaliex il-coefficient użat għad-distribuzzjoni finanzjarja se jkun ikkalkulat fuq l-aħħar għaxar snin.
Il-coefficient li minnu jkun stabbilit f’liema faxxa se jitpoġġa klabb jew ieħor, se jkun kalkulat fuq l-aħħar ħames snin biex jirrifletti s-saħħa attwali tal-iskwadra.
Klabbs storiċi madankollu se jkunu rikonoxxuti talli ppromwovew u kkontribwew għal żieda fl-image tal-kompetizzjoni b’żieda fid-distribuzzjoni finanzjarja.
Se tingħata wkoll żieda fil-kontribut ta’ solidarjetà miċ-Champions League għall-Europa League. Iż-żieda se tkun ta’ €50 miljun, waqt li €10 miljun oħra se jinqasmu fost dawk il-klabbs fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni.
Sors: UEFA
Il-klabb qed jaħseb fi proġetti li jistgħu jagħtu prominenza nazzjonali lil dawk li jipparteċipaw fihom. Għalhekk, jekk tixtieq tappoġġja lill-klabb permezz ta’ sponsor, agħmel kuntatt magħna fuq info@juventusmalta.com.
Tixtieq tkun kontributur tas-sit juventusmalta.com u tibda tikteb l-artikli magħna? Agħmel kuntatt fuq admin@juventusmalta.com






