L-attakkant Arġentin Paulo Dybala ffirma estensjoni tal-kuntratt tiegħu ma’ Juventus sal-2022. B’hekk hu rabat il-futur tiegħu mal-klabb ta’ Turin b’ħames snin oħra.

Jingħad li Dybala, awtur ta’ prestazzjonijiet mill-aqwa fil-kompetizzjonijiet kollha ma’ Juventus, mistenni jkollu żieda konsiderevoli fil-paga tiegħu. Jingħad li se jaqla’ bejn €7 miljun u €7.5 miljun fis-sena u allura jlaħħaq lil Gonzalo Higuaín.

Għalkemm ma tħabbritx minn Juventus, iż-żagħżugħ ta’ Juventus iżomm ukoll parti mid-drittijiet ta’ sponsors u immaġni tiegħu, bl-intenzjoni ta’ Juventus tkun li l-plejer isir il-qofol ta’ strateġija li permezz tagħha jsir il-wiċċ tal-klabb fir-riklami u kampanji ta’ marketing.

Dan il-ftehim b’hekk hu differenti minn dak ta’ Pogba, fejn Juventus żammew id-drittijiet ta’ immaġni tant li l-midfielder Franċiż għażel lil United biex b’hekk ra żieda fid-dħul tiegħu.

It-tiġdid tal-kuntratt mistenni jitħabbar b’mod uffiċjali minn Juventus fis-sigħat li ġejjin.

Sors: Mediaset Premium/Tuttosport