Bħalissa ninsabu fil-waqfa għal-logħbiet tat-timijiet nazzjonali iżda mill-weekend ta’ wara tibda l-ġirja finali sal-aħħar tal-istaġun. Preżentement Juventus jinsabu bi tmien punti vantaġġ fuq Roma, b’sieq waħda fil-finali tal-Coppa Italia u fil-kwarti finali tal-Uefa Champions League.

Fit-2 u fil-5 t’April Juventus se jkollhom żewġ partiti kontra Napoli li se jkunu importanti għall-kumplament tal-istaġun. Fit-2 t’April Juventus se jilagħbu kontra Napoli f’logħba valida mis-Serie A filwaqt li tlett ijiem wara se nassistu għat-tieni leg tas-semifinali tal-Coppa Italia.

Wara dawn iż-żewġ partiti se nkunu nafu d-destin f’waħda mit-tliet tazzi li Juventus qegħdin jikkompetu fihom. Il-Bianconeri fil-Uefa Champions League telgħatilhom il-polza kontra Barcelona. Fil-11 t’April se tintlagħab l-ewwel logħba ġewwa l-Juventus Stadium filwaqt li fid-19 t’April tintlagħab it-tieni partita fil-Camp Nou.

Rigward il-kampjonat, Juventus għandhom vantaġġ komdu ta’ tmien punti però apparti l-partita kontra Napoli, Juventus baqgħalhom kontra r-rivali Torino u Roma. Jekk Juventus joħorġu b’xi ħaġa fis-San Paulo żgur li se jkun vantaġġ għalihom għax il-logħbiet kontra Torino u Roma huma lejn l-aħħar tal-kampjonat fejn jista’ jkun li Juventus ikunu viċin jekk mhux diġà akkwistaw ir-rebħ tas-sitt kampjonat konsekuttiv.

Ix-xahar ta’ April se jkun determinanti fit-tliet kompetizzjonijiet li qed jieħdu sehem fihom Juventus. Fix-xahar t’April Juventus jistghu jibbukkjaw post fil-finali tal-Coppa Italia, javvanzaw għas-semifinali tal-Uefa Champions League u jtemmu kull tama tal-avversarji li jistgħu jmissulhom il-kampjonat. Is-sena 2017 tista’ tkun sena maġika ghal Juventus? Tista’ tkun verament is-sena li naraw lil Buffon jgħolli l-Uefa Champions League? Tista’ tkun is-sena li Juventus jagħmlu l-famuża tripletta?